Lokali Saħħa

Il-PN irid konsultazzjoni effettiva fis-Saħħa biex ikompli jġedded il-politika tiegħu

Il-Partit Nazzjonalista qed ifittex li jagħmel konsultazzjoni effettiva fil-qasam tas-Saħħa u m’għandux il-ħsieb li jagħmel ballun politiku minn dan is-settur. Dan sostnieh il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech waqt laqgħa mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM). Claudio Grech spjega li din hi waħda minn sensiela ta’ laqgħat li qed ikollu l-PN mal-istakeholders fil-qasam tas-Saħħa biex ikompli jġedded il-politika tiegħu.

Grech sostna li l-PN baqa’ għaddej bil-proċess ta’ tiġdid fil-politika anke matul ix-xhur tas-Sajf għax jemmen li t-tiġdid u t-tfassil tal-politika m’għandhomx isiru biss ftit xhur qabel elezzjoni ġenerali, iżda għandhom ikunu proċess kontinwu. Tkellem ukoll dwar ir-rwol tat-Tobba tal-Familja bħala professjonisti li jistgħu jġibu bidliet importanti fil-kura tas-Saħħa Primarja. Semma’ wkoll l-importanza tas-sostenibbiltà fis-settur tas-Saħħa, filwaqt li fakkar li dan kien enfażizzat f’rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MAM Gordon Caruana Dingli qal li hu importanti li jkun hemm diskussjoni kontinwa bejn l-imsieħba kollha fil-qasam tas-Saħħa. Sostna li t-Tobba tal-Familja għandhom rwol importanti għax ikunu jafu sew lill-pazjent u għax jistgħu jkunu strumentali biex jibdew jiġu offruti aktar servizzi fil-komunità.