Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha wara d-delitt li seħħ tard ilbieraħ filgħaxija fil-Fgura. Fid-delitt, Jonathan Pace, ta’ 31 sena mill-Gudja, inqatel kiesaħ u biered b’tiri ta’ arma tan-nar f’appartament fl-ewwel sular, fi Triq Mahatma Ghandi fil-Fgura. Pace, aktar magħruf bħala l-eks propjetarju ta’ Tyson Butcher, kien għadu kif ingħata l-libertà proviżorja anqas minn ġimgħatejn ilu, hekk kif hu wkoll kien għaddej proċeduri quddiem il-Qorti mixli b’attentat ta’ qtil.
Il-każ seħħ ftit wara d-9.15pm, x’ħin il-ħemda fl-inħawi nkisret bil-ħoss tat-tiri li laqtu lil Jonathan Pace f’sidru u f’rasu. Aktarx li t-tiri ġew sparati minn ġo karozza pparkjata taħt ir-residenza, x’ħin il-vittma jidher li kien għadu kif ħareġ fil-gallarija tal-appartament wara li kien għadu kif kiel. Il-bullets ippenetraw il-bieb u faqgħu anke l-ħġieġ mal-aluminju, li jdawwar il-gallarija. Skont stqarrija tal-Pulizija, Pace ma mietx fil-post, iżda tilef il-ġlieda mal-mewt madwar siegħa u nofs wara fl-ITU tal-Isptar Mater Dei. Hu ttieħed hemm b’Ambulanza ftit tas-sekondi wara li sparawlu.
Fil-post spikkat kommossjoni sħiħa minn qraba ta’ Pace, fosthom mara, raġel li jidher li hu missier il-vittma u li ried imur wara l-aggressur iżda nżamm mill-Pulizija, u anke tifel li jidher li hu ibnu. Tim paramediku li wasal fil-post fi ftit sekondi pprova jagħtih l-ewwel għajnuna, iżda kien kollu ta’ xejn għax tilef ħafna demm minħabba li ntlaqat f’partijiet vitali tal-ġisem. Jidher li wieħed mit-tiri f’sidru kien l-aktar wieħed serju li ġarrab il-vittma.
Rapporti qed jgħidu li ftit ħin wara l-isparatura, il-Pulizija sabet karozza maħruqa fil-Fgura stess. Il-Pulizija qed tinvestiga l-possibbiltà li din il-karozza għandha rabta mad-delitt ta’ Pace.
Jonathan Pace, li kien magħruf sew mal-Pulizija, kien tressaq il-Qorti akkużat li fit-8 ta’ April li għadda pprova joqtol lil Vince Muscat, magħruf bħala “Il-Koħħu”, b’tiri ta’ arma tan-nar. S’issa, dan il-każ għadu mdawwar b’misteru, hekk kif l-investigaturi jidher li għadhom ma waslux għar-raġuni wara l-attentat. L-attentat ta’ qtil fuq “il-Koħħu”, ta’ 52 sena, kien seħħ quddiem id-dar tiegħu fl-Imsida. Fil-Qorti, Muscat xehed li għaraf lil Pace bħala l-persuna li sparatlu. “Il-Koħħu” hu wkoll wieħed minn dawk li allegatament kienu nvoluti fil-każ tal-hold-up fuq il-Kwartieri tal-HSBC fl-2010, li fih ġew sparati wkoll tiri lejn il-Pulizija.
Akkużat bl-attentat ta’ qtil fuq “il-Koħħu”, Pace kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fit-8 ta’ Awwissu li għadda fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €4,000. Kien ukoll investigat mill-Pulizija b’rabta mal-qtil ta’ Ronald Galea, li sehh fit-18 ta’ Frar 2013 f’Ħal Far. Galea nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar, hekk kif ħareġ mill-fabbrika tal-laħam li tagħha kien propjetarju. Sadanittant, il-ħanut li tiegħu kien sid Pace, Tyson Butcher, kien dikjarat fallut mill-Qorti f’Diċembru 2013 wara li Pace kien ordnat iħallas aktar minn €90,000 fi djun.
Il-Maġistrat Neville Camilleri qed immexxi l-Inkjesta Maġisterjali u ħatar diversi esperti biex jassistuh.
//= $special ?>