Il-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri, laqgħet ir-Rikors li sar mill-Ispettur Silvana Briffa f’isem il-Kummissarju tal-Pulizija biex isem is-Saċerdot mixli li kkorrompa tliet bniet minuri ma jibqax mistur.
Il-Qorti qalet li l-Qassis, Jesmond Gauci, ma jiġix mill-allegati vittmi u l-Liġi ma tgħidx li għandu jkun hemm divjet f’każ bħal dan. Għalhekk, fid-Digriet tiegħu, il-Maġistrat Camilleri ordna li ismu hu wieħed pubbliku. L-Avukat Philip Galea Farrugia, f’isem l-Avukat Ġenerali, ma oġġezzjonax għar-Rikors tal-Pulizija fuq l-istess bażi li għalih waslet għaliha l-Qorti.
Sadanittant, issa l-Qorti trid tiddeċiedi wkoll dwar il-ħelsien mill-arrest ta’ Dun Gauci, li hu mix-Xagħra u għandu 41 sena, li t-Tlieta li għadda kien ġie mixli quddiem il-Maġistrat Paul Coppini fil-Qorti ta’ Għawdex. Dan wara li fuq dan il-punt, ilbieraħ sar Appell mill-Avukat Ġenerali. Hu qed jiġi mixli li wettaq dawn ir-reati numru ta’ snin ilu.
//= $special ?>