Lokali

Il-qtil ta’ Jonathan Pace simili għall-qtil ta’ Frar li għadda fil-Marsa

L-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija qed juru li l-qtil ta’ Jonathan Pace fil-Fgura għandu jitpoġġa fil-kuntest ta’ qtil ieħor li sar fil-pajjiż fl-aħħar xhur, filwaqt li mhux qed ikun ikkunsidrat b’mod iżolat minn każi kriminali oħrajn. F’konferenza tal-aħbarijiet li l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Pierre Calleja u l-Ispettur Chris Pullicino taw fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, kienu konfermati diversi fatti dwar il-qtil ta’ Pace, għalkemm f’dan l-istadju bikri tal-investigazzjonijiet il-Pulizija għażlet li tiżvela ftit li xejn dettalji.

Fost il-fatti konfermati hemm li Jonathan Pace inqatel b’arma militari li tispara sensiela ta’ bullets f’salt, kif ukoll li l-qattiel spara minn karrozza. Jirriżulta li kienu sparati bejn 15 u 20 bullet lejn il-vittma, li ħamsa minnhom laqtuh f’sidru u fil-parti t’isfel tal-gisem. L-Uffiċjali tal-Pulizija qalu li ma jirriżultalhomx li l-vittma kien qed jirċievi theddid fuq ħajtu qabel inqatel, filwaqt li sostnew li dan il-qtil hu simili għal dak li seħħ fil-Marsa fl-4 ta’ Frar u li fih inqatel Joseph Galea. Qalu li l-qattiela operaw bl-istess mod u bl-istess tip ta’ arma.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Pulizija kkonfermat li qed tkellem diversi nies dwar il-każ, iżda ma weġbitx jekk fost dawn hemmx ukoll persuni barranin. Il-Pulizija għandha wkoll informazzjoni dwar it-tip ta’ vettura wżata fil-qtil, iżda la għadha sabet il-karrozza u lanqas l-arma wżata. Il-Pulizija ma kkonfermatx lanqas jekk il-qattiela jew il-karrozza wżata ħallewx traċċi warajhom fix-xena tad-delitt.

Hekk kif irriżulta li Pace inqatel x’ħin ħareġ fil-gallerija tar-residenza tiegħu, il-Pulizija qalu li l-indikzzjonijiet ikunu li min qatlu kien jaf li Pace joħroġ fil-gallerija propju f’dak il-ħin. Pace kien jgħix ma’ persuna oħra fir-residenza fejn inqatel. L-indikazzjonijiet huma li mal-qattiel kien hemm kompliċi, bl-Uffiċjali tal-Pulizija jgħidu li jemmnu wkoll li hemm persuni li raw id-delitt iseħħ.

Għaldaqstant, il-Pulizija qed tappella biex kull min għandu xi informazzjoni jgħaddiha kemm jista’ jkun malajr.