Lokali

M’għandux ikun hemm diskriminazzjoni fil-kumpens għall-blackout bejn negozji u djar – il-PN

Il-ħlas ta’ €25 li l-Gvern se jħallas lil ċertu persuni wara l-blackout tal-ġimgħa li għaddiet mhux ħlas għad-danni, iżda ħlas biex il-Gvern isodd ħalq in-nies. Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullicino, il-Partit Nazzjonalista qal li tant hu hekk li l-Gvern se jħallas biss lil ċerti djar li sofrew mill-blackout, filwaqt li se jħalli barra lin-negozji minkejja li jaf li bosta minnhom sofrew għexieren ta’ eluf ta’ ewro f’danni minħabba l-blackout.

Il-PN qal li meta wieħed iqis li l-blackout tal-ġimgħa li għaddiet konna ilna ma naraw bħalu snin kbar, jemmen li fil-kumpens il-Gvern m’għandux jiddiskrimina bejn djar u negozji, iżda għandu jħallas għad-danni lil kull min sofrihom. Diskriminazzjoni bejn djar u negozji ma tagħmilx sens għax in-negozji sofrew danni li huma ferm akbar minn dawk li soffrew id-djar residenzjali, sostna l-PN.

Il-Gvern m’għandux jieħu t-triq il-faċli u jibgħat ċekk ta’ €25 lil ċertu djar biss biex isodd ħalq in-nies. In-nies ma jinxtrawx b’€25, iżda għandhom jiġu stmati u kull min sofra dannu għandu jiġi kkumpensat, kemm jekk hi ħsara fi djar u anke jekk hi ħsara f’negozju. Joseph Muscat tkellem ħafna dwar il-kultura ta’ responsabbiltà u issa hu l-ħin fejn Konrad Mizzi jerfa’ r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet li ħa li jwarrab nies kompetenti biex minflokhom ipoġġi nies tal-qalba. Joħroġ ċar li dawn in-nies “ma kienux up to it” fil-ħin tal-blackout, temmet tgħid l-istqarrija.

Sadanittant, fis-sigħat li għaddew fin-Newsroom tagħna reġgħu daħlu diversi rapporti ta’ qtugħ tad-dawl għal tul ta’ ħin, inkluż matul il-lejl bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa. Jidher li l-aktar li reġa’ ntlaqat kien Ħal Qormi fejn f’diversi partijiet tal-lokal, u anke fiż-żoni ta’ madwar Ħal Qormi, ir-residenti reġgħu spiċċaw mingħajr elettriku. F’Ħal Qormi d-dawl inqata’ għall-ħabta tal-11.30 ta’ filgħaxija u dam tliet sigħat.

Ħal Qormi kien fost il-lokalitajiet l-aktar milquta fil-black-out tal-ġimgħa l-oħra meta ħafna mill-Qriema għamlu kwazi 14-il siegħa sħaħ bla dawl bil-konsegwenza li f’ħafna djar kienu rappurtati ħsarat u danni.

Nies minn lokalitajiet oħrajn madwar Malta ukoll qalulna li fl-aħħar 24 siegħa reġa’ nqata’ diversi drabi d-dawl, u f’każ minnhom, fil-Kalkara, dan saħanistra mar u ġie erba’ darbiet. Intant il-lejl daħlu iktar ilmenti fuq qtugħ ta’ dawl f’ Ħaż-Żebbuġ. Mhux magħruf jekk dan il-qtugħ tad-dawl għandux x’jaqsam mal-fatt li għadha għaddejja t-tiswija fiċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Marsa li fih seħħet l-isplużjoni li wasslet għall-qtugħ tad-dawl tat-Tlieta tal-ġimgħa l-oħra. L-Enemalta kienet avzat li waqt li jkunu għaddejjin dawn ix-xogħlijiet, se jerġa’ jkun hemm qtugħ fl-elettriku f’xi lokalitajiet li jiddependu fuq dan iċ-Ċentru.