Bejn għada u l-Ħadd tintlagħab it-tieni ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier u wieħed bla dubju se jkun qed jistenna reazzjoni minn naħa taċ-champions Valletta li tilfu fl-ewwel logħba kontra Mosta. Għada Valletta se jaffrontaw lil Tarxien Rainbows fil-Victor Tedesco Stadium, tim li fl-ewwel logħba kiseb draw drammatiku ta’ 1-1 fl-aħħar minuti kontra Sliema.
Minkejja li Mosta għandhom tim li kapaċi joffri sfida lil kulħadd wieħed xorta jista’ jgħid li t-telfa li sofrew Valletta kienet waħda mhux mistennija. Għall-istatistika din kinet it-tieni telfa konsekuttiva li sofew iċ-champions għax ġimgħa qabel huma kienu tilfu wkoll fil-finali tas-Super Cup kontra Birkirkara.
Minkejja li għadu kmieni fil-kampjonat żgur li t-tim li din is-sena hu immexxi mil-eks plejer u captain Gilbert Agius ma jistax jitlef tant punti fl-ewwel ħartiti tal-kampjonat. Valletta se jilagħbu kontra tim li kien ftit sekondi ‘l bogħod milli jitlef l-ewwel logħba imma d-destin ried li d-debuttant tagħhom Triston Caruana jiskurja l-gowl tad-draw fid-93 minuta kontra Sliema.
Għada wkoll, fil-Victor Tedesco Stadium Naxxar jilagħbu kontra Balzan. Dawn tal-aħħar iridu jkomplu minn fejn ħallew ġimgħa ilu meta għelbu lil Żebbuġ Rangers bi skor ta’ 4-2. Fuq in-naħa l-oħra Naxxar bdew b’telfa ta’ 1-0 kontra Qormi u b’hekk wieħed jistenna logħba bejn tim li jrid iwettaq reazzjoni u tim li għandu l-moral għoli.
Għada f’Ta’ Qali jkun hemm ukoll fl-azzjoni erba’ timijiet oħra. Birkirkara, wara li bdew b’rebħa ta’ 2-1 kontra Pieta`, jilagħbu kontra Żebbuġ. Fuq il-karta l-Karkariżi m’għandhomx ifallu meta jaffrtonaw, fi spazju ta’ ftit jiem, it-tieni tim neo-promoss li dan l-istaġun se jkun qed jilgħab fil-Premier. Bla dubju l-akbar periklu għat-tim ta’ Pawlu Zammit mistenni jkun Britto, plejer li fl-ewwel logħba, minkejja li t-tim tiegħu tilef, skurja darbtejn kontra Balzan. Illum ukoll f’Ta’ Qali hemm il-partita bejn Sliema u Floriana, ħartita bejn żewġ timijiet li żgur ħarġu diżappuntanti wara l-ewwel logħba tagħhom.
Sliema kienu ftit ‘il bogħod milli jiksbu l-ewwel rebħa u kif ġew l-affarijiet għalihom qishom sofrew telfa filwaqt li Floriana kienu ineżistenti fl-ewwel logħba meta tilfu 3-0 kontra Hibernians. Il-Greens iridu tal-anqas jirrepetu l-logħob li urew sal-ewwel 20 minuta kontra Hibs fejn sakemm qalgħu l-ewwel gowl kienu qed jaqsmu l-logħob mal-avversarji tagħhom.
Intant, il-Ħadd Mosta, wara r-rebħa fuq iċ-champions jilagħbu kontra Pieta filwaqt li Hibs jilagħbu kontra Qormi. Għal kontra Mosta, ħieta` se jkollhom lill-attakkant Rafael Xavier sospiż. Dan wara li tkeċċa kontra B’Kara u ġie sospiż żewġ ħartiti u b’hekk, minbarra l-logħba kontra Mosta, dan se jitlef ukoll dik ta’ ġimgħa oħra kontra Tarxien.
Il-logħba bejn Hibs u Qormi se tkun l-uniku waħda ta’ tmiem il-ġimgħa bejn żewġ timijiet li bdew b’rebħa u b’hekk wieħed minnhom. b’rebħa, jista’ jkun aċċertat minn post fil-quċċata tal-Premier. Fuq il-karta Hibs jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti kontra Qormi, tim li beda l-impenji tiegħu b’rebħa minima ta’ 1-0 kontra Naxxar grazzi għal gowl ta’ Joseph Chetcuti.
Il-partita bejn Naxxar u Balzan għandha tkun waħda bilanċjata u żgur li n-Naxxarin iridu jkunu attenti minn Piccioni, plejer li fl-ewwel logba tal-kampjonat skurja żewġ gowls kontra Żebbuġ.
//= $special ?>

