Lokali

Parlament irredikolat u ġustizzja li spiċċat logħba

“Il-Ġustizzja m’għandhiex tkun biss dokument, iżda trid tapplikaha” – Mario de Marco

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat irnexxielu jirredikola l-Parlament u lir-rappreżentanti tal-poplu, bil-konsegwenza li l-ogħla istituzzjoni demokratika tal-pajjiż tilfet il-poter tagħha. Dan mhuwiex Gvern accountable u li jmexxi b’good governance.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li indirizza quddiem il-Qorti flimkien mal-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina.

Mario de Marco kien qed jitkellem f’jum għeluq il-65 sena ta’ Lino Farrugia Sacco – ġurnata li fiha l-Imħallef irtira mix-xogħol bil-pensjoni. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li llum hi ġurnata li timmarka rebħa għal min ma jemminx li uffiċjal pubbliku għandu jkun responsabbli għal għemilu, waqt li hi ġurnata sewda għal min jemmen li l-liġi qiegħda hemm għal kulħadd.

“Illum hu vittorja għal min ma jemminx fis-saltna tad-dritt u għal min ma jemminx li l-Uffiċjali Pubbliċi għandhom ikun kontabbli ta’ dmirhom. Hi wkoll ġurnata sewda għal min jemmen li l-Ġudikatura għandha tissaħħaħ, għal min jemmen fis-saltna tad-dritt u għal min jemmen li f’għajnejn il-Liġi kulħadd hu ugwali,” tenna l-Viċi Kap tal-PN.

Mario de Marco sostna li l-poplu jrid iħares lejn il-Parlament bħala r-rappreżentanza denja li tħares is-sewwa u mhux li tiddefendi l-ħażin u għaldaqstant il-poplu bir-raġun jippretendi li l-ġustizzja tkun ugwali ma’ kulħadd.

Il-Vici-Kap tal-PN Mario de Marco f’isem l-oppożizzjoni appella lill-gvern biex ibiddel l-attitudni tiegħu ħalli jkollna ġustizzja kif tixraq lil dan il-pajjiż.

Mario de Marco qal li għall-Gvern, il-Ġustizzja hi biss dokument. Dan qed jagħmel il-ġurnata tal-lum bħala waħda sewda għal dawk l-Imħallfin li jagħmlu dak kollu possibbli biex jagħmlu dmirhom sew. B’din id-deċiżjoni, sostna l-Viċi Kap tal-PN, il-Gvern qed jagħti x’jifhem li l-prinċipju li kulħadd josserva l-Liġi u ħadd mhu ‘l fuq mil-Liġi ma japplikax għal kulħadd.

Mario de Marco sostna li l-Gvern kellu eżami biex juri li l-Ġudikatura verament tgawdi l-fiduċja tan-nies, iżda falla bil-kbir.

Dan il-każ ikompli juri bl-aktar mod ċar li għall-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja Owen Bonnici, l-ġustizzja hija logħba – bi Gvern li għażel li ma jmexxix fil-Parlament b’mozzjoni ta’ impeachment kontra Imħallef.

Dan imur kontra dak li kien qal Muscat stess fil-Parlament meta kien sostna li se jmexxi fuq din il-kwistjoni. “Il-Kummissjoni (għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja) tat id-deċiżjoni tagħha u jien b’mod immedjat se nkun qed nara li l-proċess ta’ impeachment jitkompla mingħajr dewmien,” kien qal Muscat fil-Parlament.

Karol Aquilina qal li f’dan il-każ ma saritx ġustizzja – każ li jwassal il-messaġġ li l-ġudikatura saret untouchable. Dan mhuwiex dak li jrid il-poplu Malti, li jinsisti li l-ġustizzja tkun hemm għal kulħadd, hu min hu.

L-Imħallef Lino Farrugia Sacco jinzerta jiġi missier il-kandidat Laburista David Farrugia Sacco.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-Ministru responsabbli minn dan il-qasam Owen Bonnici kontinwament jitkellem dwar riforma fil-ġustizzja iżda fl-istess waqt l-istess Ministru qed jikser il-prinċipju tal-ġustizzja.