Uffiċjal tal-grupp Hamas, għall-ewwel darba qal li l-militanti ta’ din l-entità ta’ Palestinjani Iżlamiċi kienu responsabbli għall-ħtif tat-tliet adolexxenti Iżraeljani li l-omiċidji tagħhom irriżultaw fl-aħħar konflitt qalil bejn il-qawwiet ta’ Iżrael u l-gruppi tal-militanti fil-Medda ta’ Gaza.
Sheik Saleh al-Aruri, li qed jgħix f’eżilju, fit-Turkija, ammetta dan waqt konferenza organizzata mill-Assoċjazzjoni Dinjija tal-Iskulari Musulmani, fil-belt ta’ Istanbul.
Intant, ir-rimarki ta’ dan il-Palestinjan, li kien skonta sittax-il seba ħabs f’Iżrael, qed jidhru aktar ‘konkreti’ mill-kummenti preċedenti rigward il-ħtif li ħarġu bihom mexxejja oħrajn tal-Hamas, u li qatt ma waslu biex jammettu r-responsabbiltà tagħhom.
Skont al-Aruri, it-tliet adolexxenti – Gilad Shaar, Naftali Frenkel u Eyal Yifrach – kienu spiċċaw f’idejn il-brigati tal-Izzedine al-Qassam li huma l-fergħa militari tal-Hamas. Il-ħtif tat-tliet Iżraeljani kien seħħ fil-belt ta’ Hebron, fix-Xatt tal-Punent, u l-katavri ta’ dawn iż-żgħażagħ instabu ftit tal-jiem wara.
//= $special ?>