Qorti

Taljana allegatament stuprata minn Somalu u Libjan

Raġel qal fil-Qorti li ftit tal-ħin qabel ma oħtu kienet stuprata, kienet ċemplitlu u qaltlu li kienet ma’ erbgħa, referenza għal erbgħa rġiel.

Ix-Xhud kompla li fil-lejl inkwistjoni huma kienu grupp ta’ erba’ li kienu qegħdin jirritornaw lura f’karozza. It-tfajla tax-xhud bdiet tirremetti fil-karozza u x-xufier beda jitmasħan u waqqafhom il-Floriana. Huwa ħareġ barra flimkien mat-tfajla u oħtu u kif kompla jgħin lit-tfajla tiegħu li kienet qed tkompli tirremeti, oħtu telqet tiġri wara l-karozza, tgħajjat li kienet nsiet l-iPad.

Ftit tal-ħin wara huwa rċieva telefonata mingħandha u din qaltlu li kienet ma’ erba’ u l-linja waqgħet. Ix-xhud qal li oħtu nstemgħet normali fil-ħin li ċemplet u għalhekk u ma rahx għaliex kellu jċemplilha. Huwa qal li kien jaġixxi b’mod differenti li kieku kienet talbitu l-għajnuna jew semagħha tibki. It-telefonata damet biss ftit tas-sekondi.

Persuna li tgħix fl-istess appartament kien qal li Abukar kien ftaħar li kienu għamlu s-sess ma’ mara tliet darbiet. Waqt il-provi ħareġ ukoll li sperma li nsabet fuq il-ħwejjeġ ta’ tfajla Taljana li allegatament ġiet stuprata minn żewġt irġiel Somali f’Ħal-Far hija kompatibbli mal-isperma tal-akkużati. Sadanittant DNA ta’ wieħed mill-akkużati, Abdiraman Abukar, instab taħt difrejha.

Abdiraman Abukar u Liban Mohamud it-tnejn ta’ 27 sena, u residenti l-Furjana qed iwieġbu mhux ħatja li b’għemil żieni ħebbew u kkorrompew lit-tfajla kontra l-volontà tagħha, li kien jum tal-Ħadd bejn is-2am u l-4am. Jinsab mixlijin ukoll li żammewha kontra l-volontà tagħha, offendew il-morali pubbliċi, ferewha ħafif, użaw vjolenza fil-konfront tagħha u li serqulha l-mobile.

It-Taljana, li tgħix il-Belt, qalet li inħatfet minn numru ta’ rġiel u ddaħħlet bil-forza f’karozza waqt li kienet miexja l-Belt u wara stuprawha f’Ħal Far.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Yvonne Farrugia.