In-Nazzjonijiet Uniti appellat għal azzjoni immedjata biex jiġi evitat massakru ieħor fl-Iraq mill-militanti Iżlamiċi.
Dan wara li l-militanti Iżlamiċi ilhom xahrejn jassedjaw il-belt ta’ Amerli u issa l-popolazzjoni tinsab f’xifer li tikkrolla. Dan peress li l-ikel u l-ilma spiċċa. Barra minn hekk, il-popolazzjoni fil-maġġoranza hi Xiita ta’ nsiel Turkmen u li għall-militanti Iżlamiċi, li huma Sunniti, jitqiesu bħala eretiċi.
Nickolay Mladenov, ir-rappreżentant speċjali tan-NU għall-Iraq, qal li kien imħasseb ħafna għar-residenti tal-belt u jrid isir xi ħaġa immedjatament biex ikun evtiat massakru. Resdienti f’Ameril qalu li huma qed jiddefendu ruħhom kif jistgħu u għax-xahrejn ta’ assedju, huma ma ngħataw ebda għajnuna umanitarja.
L-offensiva tal-Istat Iżlamiku fl-Iraq minn mindu bdiet dan is-sajf wasslet biex madwar 1.2 miljun persuna jaħarbu minn djarhom, fil-maġġoranza Insara u Yazidi.
Nhar il-Ġimgħa, fi Franza waslu madwar 40 Nisrani Iraqi li rnexxielhom jaħarbu mill-militanti u li kienu offruti kenn fi Franza. Il-Gvern Franċiż qal li lest jagħti kenn lil eluf ta’ Nsara Iraqin li huma persegwitati mill-militanti Iżlamiċi.
//= $special ?>