Għandha ssir diskussjoni bejn il-partijiet konċernati bil-għan li tinstab soluzzjoni biex l-industrija Maltija ma tkunx affettwata b’mod negattiv.
Kienet din ir-reazzjoni tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u l-Infrastruttura Toni Bezzina li ma’ dan il-ġurnal tkellem dwar l-avviż maħruġ mill-kumpanija Valletta Gaetway Terminals li mill-ewwel ta’ Settembru se jkunu qed jidhlu fis-sehh rati godda u ghola minn kif kienu tal-cargo handling.
Toni Bezzina qal li ż-żewġ partijiet biex fl-aħjar interess kemm tal-kumpanija Valletta Gateway Terminal kif ukoll tal-Industrija Lokali li tuża dawn is-servizzi, isibu soluzzjoni ekwa u ġusta għall-partijiet kollha.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li l-Partit Nazzjonalista lest li jikkontribwixxi fid-diskussjonijiet biex tinstab soluzzjoni kummerċjalment vijabbli għall-partijiet kollha involuti f’dan is-settur tant importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Fl-aħħar jiem, Transport Malta fi stqarrija oġġezzjonat għad-deċiżjoni tal-Valletta Gateway Terminal – li hi responsabbli mill-immaniġġjar tal-parti l-kbira tal-merkanzija fil-Port il-Kbir – li tgħolli t-tariffi tal-cargo handling. Transport Malta qalet li l-isforzi tal-operaturi għandhom ikunu fuq ħidma biex ikun attirat kummerċ ġdid lejn Malta u dan b’żieda fl-investiment u l-marketing – u mhux permezz ta’ żieda fit-tariffi.
Stqarrija simili ħarġet mill-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija li saħqet li aktar tariffi għoljin tal-merkanzija jfissru li Malta se tkun qed issir anqas kompetittiva’ fil-kummerċ, u ħeġġet lil Transport Malta biex tibqa’ toġġezzjona għaż-żidiet li ħabbret il-kumpanija Valletta Gaetway Terminal.
//= $special ?>

