Lokali

Jinqeda b’proġett li sar possibbli grazzi għal Ministri preċedenti

F’Lulju tas-sena li għaddiet f’Ħal Tarxien beda xogħol ta’ restawr fuq il-kappella ta’ Santa Marija tar-Rokna – proġett maqsum fuq numru ta’ fażijiet li jinkludu r-restawr tal-faċċata ewlenija tal-kappella u l-kampnari.

Dan il-proġett kien il-ħolma u sar possibbli wara l-ħidma ta’ żewġ Ministri fl-amministrazzjoni preċedenti – Jason Azzopardi u George Pullicino.

Madankollu, waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Gvern Lokali Owen Bonnici fl-ahhar jiem, hu ħataf l-opportunita’ li jinqeda b’dan il-proġett biex jiftaħar kemm il-Gvern għandu għal qalbu l-konservazzjoni u r-restawr tal-kappelli f’Malta u Għawdex.

U għal din iż-żjara, li għaliha attenda s-Sindku Laburista tal-lokal Joseph Abela, il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista lanqas biss kienu mistiedna formalment.

Iktar minn hekk jirriżulta li l-istess Sindku, meta mistoqsi diversi drabi minn kunsillier tal-Partit Nazzjonalista, sa ftit jiem qabel żar il-post Owen Bonnici, naqas li jagħti risposta ċara dwar meta se jkun lest u jiġi inawgurat dan il-proġett.

Intant waqt iż-żjara tal-Ministru Owen Bonnici kien spjegat kif fl-ewwel parti tal-proġett sar tindif tal-faċċata minn siment u żebgħa li kienu saru maż-żmien kif ukoll inbidlu knaten li kienu tkissru. Dan il-proġett issa mistenni jidħol f’fażi oħra tiegħu fejn jiġu restawrati wkoll il-ġnub u l-istruttura tal-koppla.

Interessanti li matul ix-xogħol li sar fuq din il-kappella nstabu taħżiżiet fil-forma ta’ graffiti maħsuba li huma l-inizjali ta’ żewġt aħwa li bnew il-kampnari fl-1909.

Ix-xoghlijiet ta’ restawr qed jitmexxew mid-Direttorat tar-Restawr. Aktarx li din il-kappella hija maghrufa bhala ta’ Santa Marija tar-Rokna, ghax appuntu tinsab imdahhla f’rokna u qabel l-1909 il-bieb principali taghha kien fil-genb.