Il-Pentagon żvela li ajruplan militari Ċiniż tar viċin ħafna ta’ ajruplan militari Amerikan li kien fuq ronda ta’ għassa fuq ibħra internazzjonali fl-Asja.
Kelliem militari Amerikan qal li l-Istati Uniti kien ilmenta mal-Gvern Ċiniż għal dan l-aġir li kien deskritt bħala perikoluż u mhux professjonali.
Intqal li l-ajruplan Ċiniż tar sa għaxar metri mill-ajruplan. Dan kien ir-raba’ każ simili minn Marzu.
Din id-darba kienu involuti ajruplan Ċiniż tat-tip Su-27 u wieħed Amerikan tat-tip P-8 Poseidon. Intqal li l-ajruplan Ċiniż għal tliet darbiet tar viċin l-ajruplan Amerikan u f’ħin minnhom dar fuq naħa biex juri l-ajruplan Amerikan li kien armat.
L-ammirall Amerikan John Kirby, f’isem il-Pentagon, qal li l-aġir Ċiniż kien imur kontra l-liġi internazzjonali u dan kien qed ifixkel l-isforzi Amerikani biex jitjiebu r-relazzjonijiet maċ-Ċina.
Fl-2001 kien hemm inċident serju meta ajruplan tal-ġlied Ċiniż kien ħabat ma’ ajruplan Amerikan tat-tip EP-3 bil-konsegwenza li l-bdot Ċiniż kien inqatel.
//= $special ?>

