Sport Sport Ieħor

Michael Sultana jkompli jagħmel unur lil Malta

It-Tnejn 11 ta’ Awwissu, fil-korsa ta’ Oostende fil-Belġju wasal suċċess ieħor tal-jockey bravu Malti Michael Sultana. Dan permezz tad-debba Ingliża ta’ seba’ snin, Barneys Niece. It-tiġrija, magħrufa bħala Prijs Die Keure, saret fuq distanza qasira ta’ 2100m. Barneys Niece rebħet quddiem il-Franċiża Msola (Valerie Debruyne) u Last Baie (Francois Klaverhof). B’kollox seba’ żwiemel ġrew f’din it-tiġrija.

“Din kienet tiġrija oħra memorabbli għalija. Kienet tiġrija sabiħa speċjalment għax id-debba kellha tmiem b’saħħtu ħafna li ppermettili jkolli sprint qawwi u negħleb l-isfida taż-żwiemel l-oħra,” qal Michael Sultana.

Mitlub jikkummenta dwar kif iħossu jsuq fil-koros Belġjani, Sultana żied jgħid li f’dan il-pajjiż dejjem iħossu kuntent. “Qabel xejn l-uffiċjali tal-koros Belġjani juruni rispett kbir u dejjem jagħtuni merħba sabiħa kull darba li nkun hemm. Ma nistax nilmenta lanqas mis-sidien u trainers Belġjani li dejjem tawni kull għajnuna. Minħabba f’hekk fil-Belġju dejjem inħossni sikur li qed insuq f’koros tal-ogħla livell, bl-aqwa faċilitajiet u fejn ir-regolamenti jiġu qabel xejn implimentati fuq kulħadd bl-istess mod u rispettati minn kulħadd,” ikkonkluda Sultana.

Personalment, nagħti prosit lil Michael Sultana tas-suċċessi li kellu fl-aħħar ġimgħat barra minn xtutna. Nemmen ukoll li wasal il-mument li l-awtoritajiet sportivi lokali juru apprezzament u jibdew jirrikonoxxu s-suċċessi u s-sagrifiċċji personali li qed jagħmel dan il-jockey Malti.