Sport Waterpolo

Rekord minn Ledecky

GĦAWM: Iż-żagħżugħa Amerikana Katie Ledecky kisret ir-rekord tad-dinja tagħha stess fl-400m freestyle tan-nisa waqt il-kampjonati tal-Pan Pacific.

L-għawwiema ta’ 17-il sena rebħet il-finali tal-Gold Coast fl-Awstralja fi 3 minuti 58.37 sek u b’hekk naqqset kważi nofs sekonda mir-rekord preċedenti li waqqfet hi stess f’Kalifornja aktar kmieni dan ix-xahar.

Ledecky għandha wkoll ir-rekord tan-nisa tat-800m u l-1,500m freestyle.

B’dan ir-rekord Ledecky serqet ix-xena minn fuq l-Amerikan Michael Phelps li rebaħ l-ewwel midalja ndividwali tiegħu f’sentejn meta rebaħ il-100m butterfly.

Rekord ieħor inkiser fil-50m breaststroke miż-żagħżugħ Britanniku Adam Peaty waqt il-kampjonati Ewropej tal-għawm li qed isiru f’Berlin fil-Ġermanja.

L-għawwwiem ta’ 19-il sena, li rebaħ id-deheb fil-100m breaststroke u l-4x100m mixed medley, għamel ħin ta’ 26.62 sek. u tejjeb ir-rekord preċedenti mwaqqaf minn Cameron van der Burgh tal-Afrika t’Isfel fl-2009 li kien ta’ 26.67 sek.