Lokali Mużika

RITRATTI: Il-preparamenti għal ‘Voices’ 2014 fl-aqwa tagħhom

Dar il-Mediterran għall-Konferenzi ftit tal-ġimgħat oħra se jerġa’ jkun il-qalba ta’ serati ta’ mużika b’repertorji varji minn kor ta’ mitejn ruħ.

Dan hekk kif il-Kunċert ‘Voices’ li jinsab fit-tlettax-il edizzjoni tiegħu se jkun qed jerġa’ jittella’ bit-tema magħżula din id-darba tkun ‘Voices Heart and Soul’.

Filfatt bħalissa l-preparamenti jinsabu fl-aqwa tagħhom u dawk li se jattendu bħal kull sena oħra jistgħu jistennew spettaklu mill-aqwa b’siltiet mużikali minn Queen, Beyonce, Michael Jackson, Elton John u Lorde.

It-tmexxija tal-kor se tkun taħt id-direzzjoni ta’ Martina Caruana, bis-sehem ukoll ta’ ‘live band’ immexxija minn Sandro Grech u arranġamenti mużikali ta’ Maestro Kevin Abela.

L-iskop aħħari ta’ Voices jibqa’ dejjem b’għan wieħed…li jkun mezz ta’ ċelebrazzjoni fejn numru ta’ nies jgħinu b’mod volontarju għal kawża ġusta. Matul is-snin permezz ta’ ‘Voices’ inġabret is-somma ta’ 1.7 miljun ewro.

Għal din is-sena il-ħsieb hu li jiġu mgħejjuna permezz ta’ proġetti is-Sorijiet tal-Karita Santa Jeanne Antide, il-Jesuit Refugee Service Malta Foundation, kif ukoll il-Permaculture Research Foundation.

Voices Heart and Soul se jittella’ mill-1-5 u mit-8 sat-12 ta’ Ottubru.