Lokali

Tlett titjiriet minn Malta jittardjaw minħabba ċ-ċpar

 

Tlett titjiriet kellhom jitilqu bejn ħamsin minuta u siegħat tard kmieni s-Sibt filgħodu minħabba viżibbilta’ baxxa li kkawżat ċpar li nħoloq fl-inħawi tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Kelliema għall-Ajruport ikkonfermat li tlett titjiriet li kellhom jitilqu minn Malta lejn Amsterdam u l-Ingilterra ttardjaw b’ħamsin minuta, filwaqt li titjira oħra lejn Vjenna ttardjat b’siegħa.

Madanakollu sat-tmienja u għoxrin jidher li t-titjiriet kollha kienu telqu u kollox kien ġie lura għan-normal. Il-kelliema għall-Ajruport f’kumment ma’ dan is-sit spjegat li bħala sigurta’, l-Ajruport ikun irid jassigura li kollox ikun sew qabel ma jtiru l-ajruplani.

Dan is-sit tkellem ma’ uffiċjal fl-Uffiċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li spjega li s-Sibt filgħodu l-viżibbilta’ waqgħet għal taħt il-50 metru li wassal biex inħoloq ħafna ċpar.

L-informazzjoni li ksibna mill-Uffiċju Meterjoloġiku tgħid li l-viżibbilta’ baxxa normalment isseħħ l-aktar għall-perjodu ta’ bejn Marzu u April, madanakollu jista’ jkun il-każ li l-viżibbilta’ taqa’ fis-sajf ukoll, speċjalment minħabba riħ isfel li jibqa’ jippersisti; kif ġara fil-każ tas-Sibt filgħodu.

Jidher li fil-jiem li ġejjin mhux mistenni li l-viżibbilta’ terġa’ taqa fil-livelli tas-Sibt filgħodu.

Ritratt: Arkivji