Lokali

Żvelat il-programm ta’ Kate Middleton f’Malta

Fil-midja Ingliża ħarġu dettalji tal-programm taż-żjara ta’ Kate Middleton f’Malta, li se tkun qed iżżur il-pajjiż fl-okkażjoni tal-Ħamsin Sena Indipendenza.

Rapporti fil-midja Ingliża jgħidu li l-Palazz ta’ Kensigton ħabbar li d-Dukessa ta’ Cambridge se jkollha b’kollox għaxar attivitajiet uffiċjali matul iż-żjara li se ddum b’kollox tmiem ta’ ġimgħa.

Biż-żjara tagħha f’Malta, Kate se jkollha tħalli lit-tifel żgħir tagħha, il-Prinċep Ġorġ, warajha flimkien mar-raġel il-Prinċep William. Filfatt, iż-żjara tagħha f’Malta se tkun l-ewwel żjara f’isem ir-Reġina Eliżabetta li se tkun qed tagħmel weħidha – mingħajr ir-raġel tagħha.

Ħafna qed jgħidu li dan huwa sinjar ta’ fiduċja mir-Reġina Eliżabetta fid-Dukessa ta’ Cambridge – li se tħalliha żżur ‘il-gżira Mediterranja’ – li għandha post speċjali f’qalb ir-Reġina.

Eliżabetta u r-raġel tagħha, Philip kienu qattgħu kważi sentejn jgħixu f’Malta wara li kienu żżewġu, bir-Reġina tikkunsidra l-perjodu li qattgħet f’Malta bħala wieħed mill-isbaħ f’ħajjitha hekk kif kienet l-unika esperjenza tagħha tgħix ħajja ‘ordinarja’.

Iż-żjara ta’ Kate Middleton f’Malta tibda nhar is-Sibt 20 ta’ Settembru b’żjara fil-Palazz tal-President f’Sant’Anton fejn hemmek tiltaqa’ mal-President Marie Louise Coleiro Preca. Matul iż-żjara tagħha d-Dukessa se toqgħod f’dan il-Palazz.

Wara, Kate Middleton żżur lill-Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja u wara ssegwi re-enactment fi Pjazza San Ġorġ. Waqt iż-żjara tagħha, Middleton se żżur ukoll il-Bibjoteka Nazzjonali.

Il-qofol taż-żjara tad-Dukessa jintlaħaq is-Sibt filgħaxija biċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza li se tkun qed issegwi mill-Barrakka ta’ Fuq. Il-qofol taż-żjara jkompli l-Ħadd 21 ta’ Settembru b’ċeremonja fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, u wara żżur żewġ pitturi ta’ Caravaggio fil-mużew tal-Katidral.

Iż-żjara tad-Dukessa tibda tersaq lejn tmiemha bi żjara fil-Birgu fejn iżżur iċ-Ċentru Aċċess immexxi mill-Aġenzija Żgħażagħ u tittieħed mixja qasira madwar il-Birgu, fosthom sal-Knisja ta’ San Lawrenz. Wara, d-Dukessa tittieħed għal żjara bid-dagħjsa fil-Port il-Kbir.

Katle Middleton ittemm iż-żjara tagħha b’riċeviment li se jkun organizzat mill-Kummissjoni Għolja tal-Ingilterra għal Malta fl-okkażjoni tal-Indipendenza ta’ Malta.

Il-Belt Valletta