Lokali

Donazzjoni ta’ Є5,000 għall-irfigħ tal-vara ta’ Santa Marija tal-Imġarr

Bħal ma hi t-tradizzjoni, il-bieraħ filgħodu, fl-Imġarr saret l-attività fil-pjazza prinċipali li matulha titħabbar d-donazzjoni għall-irfigħ tal-vara ta’ Santa Marija fil-festa ta’ dan ir-raħal. Din is-sena ħadu sehem żewġ gruppi – dak imexxi minn Victor Sammut u grupp imexxi minn Mario Mifsud. Il-grupp li joffri l-għola donazzjoni jerfa’ l-vara fil-festa ta’ dan ir-raħal.

Id-drawwa hi li l-ewwel offerta jitfagħa l-grupp li jkun refa’ l-vara is-sena ta’ qabel iżda minħabba li din is-sena, dan il-grupp ma ħax sehem, l-ewwel offerent intgħażel bix-xorti, permezz ta’ munita.

Il-grupp li offra l-għola donazzjoni kien dak imexxi minn Mario Mifsud li offra donazzjoni ta’ Є5,000.

Folla mdaqqsa attendiet għal din l-attività tradizzjonali li ilha ssir għal aktar minn 90 sena. Mat-tokki ta’ nofsinhar dawk interessati fl-irfigħ tal-vara nġabru maġenb il-Knisja parrokkjali u bdiet l-attività li matulha jintefgħu d-donazzjonijiet.

Din it-tradizzjoni bdiet fl-1922 meta l-vara ta’ Santa Marija waslet minn Marsilja u dawk li ħallsu għaliha ingħataw il-fakultà li jerfgħu fl-ewwel purċissjoni li saret bil-vara fit-18 ta’ Awwissu 1922. Dawk kollha li jerfgħu fl-istatwa kienu u għadhom iqisuh bħala unur kbir kemm għalihom kif ukoll għall-familja tagħhom.

Din is-sena l-attività tmexxiet minn Dun Valentin Borg li nħatar bħala amministratur tal-parroċċa wara d-deċiżjoni li tħabbret iktar kmieni dan ix-xahar li jitneħħa minn Kappillan, Dun Emanuel Camilleri.