Sport

Illum jibda l-Open tal-Istati Uniti

Illum jibda l-aħħar tournament Grand Slam tas-sena, l-Open tal-Istati Uniti, fejn se jkun hemm nieqes ir-rebbieħ tas-sena l-oħra rafael Nadal li kellu jirtira minħabba problemi fil-polz tal-lemin.

Is-seed numru wieħed Novak Djokovic jibda bħala favorit anki jekk il-forma fl-aħħar tournaments Masters li saru fil-kanada u fl-Istati Uniti, juru li Djokovic mhux għaddej mill-aqwa forma tiegħu. Anki Andy Murray kellu sena kwieta kważi diżappuntanti u jidher li l-ħatra ta’ Amelie Mauresmo bħala kowċ tiegħu għadha ma ħallitex il-frott mixtieq mill-brittaniku.

Il-veteran Roger Federer mhux l-ikbar favorit iżda minkejja l-eta’ wera fit-tournament ta’ Cincinnati li għadu plejer ta’ valur kbir u jista’ jissorprendi għaliex għadu plejer mill-aqwa. L-iżvizzeru qed ifittex it-tmintax-il titlu Grand Slam fil-karriera brillanti tiegħu, wara li l-ġimgħa l-oħra f’Cincinnati rebaħ it-80 titlu ATP fil-karriera tiegħu. Hemm stennija wkoll għall-wirjiet tal-Iżvizzeru Stanislas wawrinka li f’Jannar rebaħ l-ewwel titlu Grand Slam tiegħu meta rebaħ l-Open tal-Awstralja.

Fil-kompetizzjoni tan-nisa Serena Williams se tkun l-ikbar favorita li ssir l-ewwel mara f’40 sena li tirbaħ l-Open tal-Istati Uniti għal tliet snin konsekuttivi. Fost l-ikbar avversarji ta’ Serena Williams wieħed ma jistax ma jsemmix lil Maria Sharapova kif ukoll lil Euginie Bouchard li tista’ tkun sorpriża, fejn din is-sena dejjem waslet sas-semi finali fit-tliet tournaments Grand Slam, dak tal-Awstralja, Pariġi, u Wimbledon.