Lokali

Karm Farrugia jsostni li t-tnaqqis fil-produzzjoni industrijali hu element inkwetanti fl-ekonomija Maltija

Il-fatt li Malta qed tirreġistra tnaqqis fil-produzzjoni industrijali hu elment li jħasseb lill-ekonomisti għall-fatt li dan qed isir propju meta l-pajjiż ma jinsabx f’riċessjoni u meta ħafna pajjiżi Ewropej issa ħargu jew qed joħorgu mill-perjodu negattiv li kienu fih.

Jirriżulta li filwaqt li l-Grecja, pajjiż li ghadu f’riċessjoni naqqset il-produzzjoni industrijali bi kwazi 7 fil-mija, Malta naqqset il-produzzjoni industrijali b’erbgħa fil-mija.

Mill-aħħar statistika jirriżulta wkoll li kienu biss tmienja l-pajjiżi li rreġistraw tnaqqis fil-produzzjoni industrijali għaliex il-pajjiżi l-oħra tal-UE kollha rreġistraw żieda.

Dwar dan it-tnaqqis ikkonfermat mill-Agenzija tal-Istatistika tal-UE, Net News tkellem mal-ekonomista Karm Farrugia li jsostni li hemm elementi oħra ta’ tħassib f’din is-sitwazzjoni.