Formula 1 Sport

Ricciardo jirbaħ fil-Belġju

Is-sewwieq tar-Red Bull Daniel Ricciardo għeleb lil Nico Rosberg biex rebaħ il-Grand Prix tal-Belġju fit-track ta’ Spa Francorchamps, Grand Prix li kien mimli inċidenti. Fit-tielet post spiċċa l-Fillandiż Valtteri Bottas. Bis-saħħa tat-tieni post miksub Nico Rosberg kompla kabbar il-vantaġġ fuq Lewis Hamilton, hekk kif se tkompli tikber ir-rivalita’ u l-polemika bejn dawn iż-żewġ sewwieqa tal-Mercede.

Ir-relazzjonijiet bejn Rosberg u Hamilton se jmorru mill-ħażin għall-agħar wara l-inċident tal-bieraħ fejn Rosberg laqat lil Hamilton waqt manuvra perikoluża biex il-ġermaniż qabeż lill-Ingliż, li wara l-inċident kellu jirtira wara li kellu prblemi fir-rota.

Nico Rosberg li kien ibbuwjat hekk kif tela’ fuq il-podium, qal li mhux kompitu tiegħu li jikkummenta għaliex ma rax l-inċident.
Għas-sewwieq Awstraljan Ricciardo din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva wara s-suċċess fil-Grand Prix tal-Ungerija ix-xahar li għadda, kif ukoll it-tielet rebħa din is-sena hekk kif qed ikompli jissorprendi u jixħet fid-dell liċ-champion tad-dinja Sebastien Vettel li kiseb biss il-ħames post il-bieraħ fil-Belġju wara is-sewwieq tal-Ferrari Kimi Raikkonen li kiseb ir-raba’ post.

“Ninsab ferm ferħan, qed naħdmu verament tajjeb u l-vettura issa saret waħda konsistenti fejn it-tyres qegħdin iservu kemm ikun hemm bżonn” kienu l-kummenti ta’ Ricciardo wara t-trijonf tiegħu fil-Belġju.

Nico Rosberg beda mill-pole għar-raba’ grand prix konsekuttiv, iżda bidu qawwi kemm minn Lewis Hamilton kif ukoll minn Sebastien Vettel ra liż-żewġ sewwieqa jgħaddu li Rosberg fl-ewwel dawra. Wara t-tieni lap b’hamilton fuq quddiem, Nico Rosberg ipprova jaqbeż lil Lewis Hamilton minn naħa ta’ barra, iżda laqat il-vettura ta’ Hamilton, biż-żewġ vetturi jġarrbu xi ħsarat.

Lewis Hamilton mill-ewwel instema jgħid lit-tim minn fuq ir-radju “Nico laqatni, Nico laqatni”. Dan ma kienx l-ewwel inċident bejn iż-żewġ rivali tal-Mercedes u t-tim mercedes irid jara x’se jagħmel biex isolvi din il-problema li issa qed issir waħda serja ferm. Fil-Grand Prix tal-Ungerija Lewis Hamilton ma kienx obda ordnijiet tat-tim Mercedes biex iħalli lil Rosberg jaqbżu, filwaqt li f’Mejju fil-Grand prix ta’ Monaco Hamilton kien ferm irrabjat wara li Rosberg ikkraxxja fl-aħħar ħinijiet tal-kwalifikazzjoni u kellha toħroġ is-safety car li tellfet lil Hamilton milli jikseb il-pole.

Wara l-inċident iż-żewġ vetturi kellhom jidħlu fil-pits, fejn Rosberg bidel il-front wing, filwaqt li hamilton minkejja li bidel it-tyres xorta waħda kellu jirtira ftit wara minħabba l-ħsara li ġarrab fl-impatt mal-ħabta tal-vettura ta’ Rosberg.