Żewġ Spanjoli, Alfonso Lorente, ta’ 23 sena, u Adolfo Romero, ta’ 22 sena, kienu kkundannati sentenza sospiża wara li ammettew li wettqu atti vandali fuq sitt karozzi fis-Swieqi. Lorente ġie kundannat sentenza ta’ 14-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin filwaqt li Romero ġie kundannat tmien xhur ħabs sospiżi għal sena.
Iż-żewġ żgħażagħ kienu mitlubin jħallsu l-ispejjeż li għamlu, li jlaħħqu l- €1,301.81. Is-somma tħallset dak il-ħin stess fl-awla tal-Maġistrat Neville Camilleri li sema’ l-każ, hekk kif Lorente ħareġ mazz karti tal-50 ewro u beda jgħodd sakemm laħħaq l-ammont dovut.
L-Ispettur Trevor Micallef, li mexxa l-prosekuzzjoni, qal li ż-żewġ Spanjoli nqabdu wara li wieħed mill-vittmi lemaħhom jagħmlu l-vandaliżmu fuq il-karozzi u mill-ewwel għamel rapport l-għassa. Micallef qal li fit-triq inzerta kien għaddej Pulizija rtirat li baqa’ jsegwihom sakemm waslu fuq il-post il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU).
//= $special ?>

