Minn nhar it-Tnejn il-ħaddiema kollha tal-Korporazzjoni Enemalta se jkunu trasferiti fil-kumpanija l-ġdida Engineering Resources Limited li l-Gvern Laburista kien indika li se jwaqqaf wara li 30 fil-mija tal-Korporazzjoni nxtrat mill-kumpanija statali Ċiniża Shangai Electric.
Dan it-trasferiment mistenni jidħol fis-seħħ permezz ta’ Avviż Legali mill-Gvern it-Tnejn stess, u li l-ħaddiema tal-Enemalta kienu mgħarrfa dwar dan fl-aħħar jiem.
Dan ġie żvelat il-Ħadd fil-faċċata tal-gazzetta il-mument.
Sorsi li tkellmu mal-mument qalu li fl-ewwel ġimgħa ta’ Settembru mistenni jibda wkoll il-proċess fejn il-ħaddiema se jissejħu biex jagħtu l-preferenza tagħhom dwar fejn jixtiequ jaħdmu jiġifieri fit-taqsimiet jew kumpaniji ohra li se jkunu taħt il-kappa tal-kumpanija Engineering Resources Limited li mit-Tnejn se tieħu post il-Korporazzjoni Enemalta.
Madanakollu, l-ħaddiema m’għandhom l-ebda garanzija li l-preferenza tagħhom se tkun aċċettata mill-management il-ġdid li issa jinvolvi s-sehem qawwi taċ-Ciniżi.
L-istess sorsi qalu li jidher ukoll li diġà ttieħdet deċiżjoni li l-Gvern se jimponi fuq dawk il-ħaddiema l-għażla tal-post ta’ xogħlhom li jrid il-Gvern stess, f’każi li jkun hemm ħaddiema li ma jaċċettawx l-impjieg li jkun qed jiġi offrut lilhom.
Jidher wkoll informazzjoni, li l-ħaddiema għad għandhom inċertezza dwar il-kriterji se jintużaw fil-proċess tal-għażla.
Tant hu hekk li l-Gvern kif ukoll il-Korporazzjoni Enemalta għadhom ma laħqu ebda ftehim mal-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema. Dan qiegħed iqajjem dubji fost il-ħaddiema, b’uħud qegħdin jibżgħu li jistgħu jiġu diskriminati u oħrajn aġevolati.
Aktar kmieni din is-sena, din il-gazzetta kienet żvelat li ċ-Ċiniżi li jirrapreżentaw il-kumpanija statali Ciniza li xtrat 33% tal-ishma tal-Korporazzjoni Enemalta kienu lmentaw mal-Gvern Laburista dwar pagi gholjin li qed igawdu minnhom il-ħaddiema tal-Enemalta u li riedu jdaħħlu kundizzjonijiet ġodda għall-ħaddiema b’kuntratti ġodda.
Sorsi kkonfermaw li sa minn l-aħħar xhur rappreżentanti Ciniżi kien qed ikollhom preżenza regolari fis-sessjoni tal-Finanzi tal-Korporazzjoni Enemalta.
//= $special ?>