Talanqas sitt persuni għerqu wara li dgħajsa tas-sajd li kienet mimlija bl-immigranti sabet ruħha f’diffikultajiet fl-ibħra lejn in-Nofsinar mill-gżira Taljana ta’ Lampedusa.
Dan kien it-tielet inċident traġiku li seħħ fi kwistjoni ta’ ġranet tul ‘ir-rotta għall-immigranti’ bejn il-Libja u l-Italja. Intant, l-iskwadri għall-emerġenzi li rrappurtaw mill-inħawi qalu li huma salvaw ‘il fuq minn 360 immigrant li kienu spiċċaw fil-baħar.
Kelliema għall-gwardjani tal-kosta Taljani qalu li huma, fi tmiem il-Ġimgħa, irnexxielhom isalvaw il-ħajja ta’ kważi 4,000 immigranti wara numru ta’ inċidenti simili.
Dan meta l-Libja qed tintuża bħala l-punt tat-tluq mill-eluf tal-immigranti Afrikani li qed jippruvaw jidħlu fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, bil-mezzi illegali.
Is-sena l-oħra, kienu mietu l-mijiet tal-immigranti ‘il hinn minn Lampedusa meta żewġ dgħajjes ippakkjati bl-Afrikani spiċċaw jegħrqu f’dawk l-inħawi.
L-Italja, minn dak iż-żmien, żiedet is-servizzi ta’ fejda permezz tal-qawwiet tal-baħar kif ukoll bid-dgħajjes tal-gwardjani tal-kosta, iżda l-influss tal-immigranti kontinwu qed iġiegħel lill-Gvern Taljan jitlob aktar għajnuna min-naħa tal-UE.
Il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni, Cecilia Malmstrom, esprimiet xokk u dieqa għall-aħħar imwiet tal-immigranti u sejħet biex l-Istati membri jimpenjaw ruħhom aktar għall-ħteġiet tal-Italja.
//= $special ?>