Editorjal

Editorjal: Tnaqqis impressjonanti fil-kummerċ internazzjonali ta’ Malta

Aħna pajjiż żgħir u bħall-pajjiżi żgħar kollha aħna miftuħin aktar minn pajjiżi kbar għall-kummerċ internazzjonali. Dak li nbigħu barra – l-esportazzjoni – importanti ħafna għalina għax hu dħul dirett mingħand ħaddieħor fl-ekonomija tagħna.

Ħafna minn dak li naħdmu f’Malta jew nikkunsmaw hawn, nimpurtawh
Nafu wkoll li ħafna minn dak li naħdmu hawnhekk biex nesportawh, l-ewwel nimpurtaw biċċa minnu f’materja prima, u ħafna minn dak li nikkunsmaw hawn Malta nimpurtawh ukoll.

L-esportazzjoni hi importanti ħafna għal pajjiż żgħir
Mela, l-esportazzjoni hi importanti ħafna u l-importazzjoni tirrifletti parti minn dak li nesportaw u wkoll tirrifletti l-konsum f’Malta. U hu għalhekk li ċifri li għadhom kemm ħarġu mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea huma ta’ tħassib sew.

Ċifri inkwetanti tal-Eurostat
Dawn huma ċ-ċifri dwar x’esporta u x’importa kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea bejn Jannar u Mejju ta’ din is-sena mqabblin mal-istess ħames xhur tas-sena l-oħra. Ċifri mhux ta’ xahar wieħed – li jista’ jkun ċikka – imma ħames xhur li juru xejra, u mqabblin mal-bqija tal-pajjiżi sħabna fl-Ewropa.

Waqgħa kbira f’dak li begħna u xtrajna minn barra
Dawn iċ-ċifri juru li f’Malta kellna l-akbar waqgħa – u b’biċċa sew – mill-Ewropa kollha f’dak li esportajna: waqgħa ta’ 27 fil-mija. U anke f’dak li importajna, kellna waqgħa ta’ 17 fil-mija fuq l-istess ħames xhur tas-sena ta’ qabel.

L-aħħar fl-Ewropa b’aktar mid-doppju
Ċifri inkwetanti għax pajjiżi oħrajn iżidu qegħdin, fl-esportazzjoni speċjalment, u mhux inaqqsu bħalna. Mela r-raġuni għat-tnaqqis mhix ġejja minn barra. U t-tnaqqis qawwi tagħna, li jpoġġina l-aħħar fl-Ewropa, jerġa’ hu aktar mid-doppju ta’ min qiegħed qabilna, qabel tal-aħħar.

Ċifri oħrajn jaħbu l-qgħad bi 3,500 impjieg mal-gvern…
Dawn huma ċifri li jirriflettu dak li qed jgħidu tal-ħwienet li hawn suq ħażin. Ħerġin ukoll ma’ ċifri oħrajn li juru li fl-aħħar sena l-Gvern daħħal jaħdmu miegħu 3,500 ruħ – impjiegi mal-gvern li evidentement jaħbu l-qgħad.

…u juru għafsa fuq il-pagi
U dawn iċ-ċifri ħerġin ukoll ma’ oħrajn tal-Gvern Malti stess li juru li hemm għafsa fuq il-pagi medji tal-ħaddiema li fl-aħħar sena żdiedu b’mitt ewro. Dan f’kuntrast mas-snin ta’ qabel meta, minkejja dinja ta’ maltemp ekonomiku, il-pagi medji kienu qed jiżdiedu b’528 ewro fis-sena.

Tkabbir ekonomiku li, anke kieku veru, mhux jasal fi bwiet in-nies
Xejriet, dawn, li juru li, anke kieku hemm tkabbir ekonomiku ta’ veru, dan mhux qed jinħass fejn fl-aħħar mill-aħħar hu l-aktar importanti li jmur, fi bwiet in-nies u fil-pagi tal-ħaddiema li qed isofru għafsa ‘l isfel flimkien ma’ ċifri inkwetanti.