Lokali

Filmat: Ikomplu l-ilmenti dwar it-trasport pubbliku, minkejja l-wegħda tal-Gvern ta’ spinta ‘l quddiem

Minkejja l-wegħda tal-Gvern Laburista li se jagħti spinta lit-trasport pubbliku wara t-tluq minn Malta tal-Arriva, ftit huma dawk li meta titkellem magħhom jgħidulek li s-servizz tal-linja tjieb. Fil-fatt, dan is-Sajf kulfejn tmur tara l-istess xeni u tisma’ l-istess ilmenti dwar iż-żieda fil-ħin ta’ stennija, vened mimlijin nies fis-sħana jistennew għal ħin twil, karozzi tal-linja b’arja kundizzjonata ma taħdimx u vetturi mgħobbijin aktar milli jifilħu.

Mara li tagħmel użu regolari mit-trasport pubbliku għamlet kuntatt ma’ MaltaRightNow.com u ddeskriviet l-esperjenza tagħha bħala passiġġiera tal-karozzi tal-linja dan is-Sajf. Hi spjegat x’kienet qed tistenna wara l-wegħdiet tal-Gvern Laburista, kif ukoll kif ħafna nies qed imaqdru l-fatt li wħud mill-vetturi li qed jintużaw bħalissa fis-servizz ipprovdut mill-kumpanija li waqqaf il-Gvern, m’għandhomx aċċess għall-persuni b’diżabbiltà.

Għalhekk, l-istennija issa hi għall-operatur il-ġdid tas-servizz tal-linja li, wara li għalqet is-sejħa intgħażel bit-tama li l-kumpanija barranija Autobuses de Leon toffri t-titjib imwiegħed. Madankollu, l-istorja ta’ din il-kumpanija Spanjola f’Malta wkoll bdiet fuq sieq ħażina. Dan wara li l-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi għamel żjara, deskritta mill-Oppożizzjoni bħala waħda tinten, lill-kumpanija fi Spanja meta s-sejħa kienet għadha miftuħa.

Dan wassal għal ksur ċar ta’ dak li kienet tistipula l-espressjoni ta’ interess li ħareg il-Gvern stess. Fi klawsola 10, jingħad li ma jista’ jsir ebda kuntatt bejn l-offerent u xi Uffiċjal tal-Gvern, fl-ebda stadju tal-offerta.