Lokali Saħħa

Filmat: Li taf li hemm ħafna nies li tkun fi ħsiebhom, jagħmilli kuraġġ nagħmel il-pass li jmiss – Beppe Fenech Adami

It-talb ta’ kulħadd jagħtini l-kuraġġ il-ħin kollu biex nagħmel il-pass li jkun imiss. Se nibda t-tielet ġimgħa ta’ terapija, imsaħħaħ bl-enerġija li jagħtini t-talb ta’ kulmin qed jaħseb fija biex inkompli niffaċċja din il-battalja. Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Partit Beppe Fenech Adami mal-mikrofonu ta’ MaltaRightNow.com, lejliet li jħalli Malta lejn Londra biex jibda tliet ġimgħat oħrajn ta’ terapija intensiva għall-kanċer.

Kien fil-bidu ta’ Awwissu li Beppe, li għandu 45 sena, beda jieħu t-trattament bi tħejjija għal operazzjoni biex jitneħħilu tumur ta’ 15ċm minn daharu. Ma’ MaltaRightNow.com, jispjega l-pass li jmiss f’din il-mixja diffiċli minn meta skopra x’kellu, f’nofs Lulju. Hu rringrazzja lill-poplu Malti għall-appoġġ, it-talb u s-solidarjetà li sab u għadu qed isib s’issa.

Sadanittant, minkejja l-qagħda ta’ saħħtu, ilbieraħ filgħodu, Beppe Fenech Adami, akkumpanjat minn uħud minn ħutu u minn missieru l-President Emeritus Eddie Fenech Adami, attenda għall-purċissjoni tal-padruna ta’ rahal twelidu Santa Liena, li saret f’Birkirkara. Jakkumpanjahom għal xi ħin kien hemm ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil.