Il-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja Owen Bonnici ma jħossux skomdu li l-Mozzjoni ta’ Impeachment kontra l-Imħallef Lino Farrugia Sacco ma laħqitx ġiet diskussa u mgħoddija mill-Parlament. B’konsegwenza ta’ dan, il-Ġimgħa li għadda Farrugia Sacco rtira mill-ġudikatura bid-drittijiet kollha ta’ pensjoni wara li għalaq 65 sena. B’hekk, il-Mozzjoni ta’ Impeachment kontrieh waqgħet awtomatikament u ġiet dikjarata nulla.
F’kummenti lil MaltaRightNow.com, il-Ministru Bonnici reġa’ sostna li f’dan il-każ il-Gvern mexa skont il-proċeduri parlamentari ta’ pajjiżna, b’rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Il-Ministru tal-Ġustizzja spjega li malli kien hemm allegazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali, il-Gvern ta l-opportunità biex il-persuna konċernata tmur il-Qorti u teżawrixxi r-rimedji tagħha.
Il-każ tal-Imħallef Lino Farrugia Sacco beda fi Frar 2014, iżda sa Awwissu l-Qrati ma tawx is-sentenza finali. Wara li f’Ġunju l-Qorti kienet iddikjarat li d-drittijiet fundamentali tal-Imħallef Farrugia Sacco ma nkisrux mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, l-Imħallef kien appella mis-sentenza fl-aħħar jum possibbli, bl-iskuża li l-proċeduri legali fil-Qrati għadhom għaddejjin. Minħabba li dawn ma ġewx konklużi sal-gurnata tal-irtirar mill-Ġudikatura, il-Gvern baqa’ ma mexxiex fil-Parlament bil-Mozzjoni ta’ tkeċċija kontra Farrugia Sacco.
Mistoqsi dwar dan, il-Ministru Bonnici qal li ma jħossux f’qagħda antipatka. Dan minkejja li l-Konsulent ewlieni tal-Gvern dwar ir-Riforma fil-Qasam tal-Ġustizzja, l-Imħallef Giovanni Bonello, kien ikkummenta li l-Kostituzzjoni ma tgħidx li l-Parlament għandu jistenna biex ikunu eżawriti l-proċessi legali fil-Qrati qabel ma jiddiskuti Mozzjoni ta’ Impeachment. Kien ikkummenta wkoll li d-deċiżjoni li jitwaqqaf il-proċess ta’ Impeachment kompliet issaħħaħ il-fehma tal-pubbliku li membri tal-Ġudikatura ma jwieġbu lejn ħadd għal għemilhom.
Iben l-Imħallef Farrugia Sacco, David, kien kandidat Laburista fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet, filwaqt li f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Nazzjonalista kien qal li f’dan il-każ il-Gvern irredikola lill-Parlament u biddel il-ġustizzja f’logħba.
//= $special ?>

