Jeżistu dokumenti, iffirmati fl-aħħar legiżlatura tal-Kunsill, li jikkonfermaw il-ftehim li kien sar bejn il-Gvern, il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara u l-kumpanija GreenMT.
Dan ħareġ minn sorsi li tkellmu ma’ dan l-istazzjon dwar il-każ tas-sekwestru li għamel il-Gvern lill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara, li għandu maġġoranza Laburista. Każ li żvela dan l-istazzjon.
Il-ħlasijiet li dan il-Kunsill allegatament kellu jagħmel lill-Gvern, partikolarment lil Ministeru tal-Ambjent u l-Infrastruttura, kienu jammontaw għal madwar €50,000, fuq proġett ta’ restawr li sar għaxar snin ilu fuq l-akkwadott minn Ħ’Attard sa Birkirkara.
Iżda jeżistu dokumenti, miktuba wara li ttieħdu pariri legali, li juru li din l-obligazzjoni min-naħa tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara inqatghet minħabba li l-kumpanija GreenMT kellha xi pagamenti pendenti lil Kunsill, waqt li l-Gvern min-naħa tiegħu kellu jħallas lil din l-istess kumpanija għal xi ħaga oħra.
Għaldaqstant, wara li kienu ikkalkulati l-ammonti kollha dovuti, sorsi li tkellmu magħna qalulna li l-kumpanija GreenMT kellha tagħti madwar €1000 fix-xahar lil Ministeru tal-Ambjent u l-Infrastruttura.
Biss, milli jidher, u dejjem skont sorsi li tkellmu magħna, dawn il-flus ma ngħatawx, u għaldaqstant il-Gvern baqa’ jibgħat lil Kunsill Lokali għal flus dovuti lejh.
U dan minkejja d-dokumenti li jeżistu, dokumenti li jixhdu l-ftehim li sar bejn il-partijiet kollha interessati – ftehim li sal-lum, jidher li ma ġiex onorat mill-kumpanija privata.
Id-deċizjoni li jsir sekwestru fuq il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara, l-ewwel darba fl-istorja ta’ dan il-Kunsill Lokali, qanqlet ir-rabja tas-Sindku Laburista Joanne Debono Grech, li minn informazzjoni li għandna, saħansitra ċemplet lil Ministru responsabbli mit-Trasport Joe Mizzi tilmenta dwar dan u pjanat ukoll biex tagħmel laqgħa miegħu.
Il-Kunsill Lokali tlaqqa’ wkoll b’urġenza biex jiddiskuti din is-sitwazzjoni, laqgħa li matulha ġie deċiz li jsir kontro-protest fil-Qorti, b’mod partikolari biex ikun rilaxxat il-kont tal-pagi, ħalli għallinqas ikunu jistgħu jitħallsu l-ħaddiema.
//= $special ?>

