Fl-Isptar Mater Dei isiru madwar 3,000 siegħa ta’ volontarjat kull xahar. Għalhekk, immaġina x’impatt ikollu dan il-volontarjat kieku jibda jsir ukoll fil-komunità. Dan kien kliem il-Kap Eżekuttiv ta’ SOS Malta Claudia Taylor-East waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni li kellha fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech.
Għal SOS Malta kien hemm ukoll Catherine Caligari Conti u Patricia Debono, il-Kordinatriċi ta’ Volserv f’Malta. Volserv hu wieħed mid-diversi servizzi li toffri SOS Malta li, bi sħab mal-Gvern, ilha taħdem mill-2007 biex toffri servizz ta’ għajnuna volontarja f’dak li għandu x’jaqsam mas-Saħħa.
Claudia Taylor-East qalet li pajjiżna jonqsu jagħmel qabżiet kbar fil-kura fil-komunità, li għandhom itaffu l-piż minn fuq l-Isptar Mater Dei. Il-Parroċċi u l-Kunsilli Lokali joffru qafas tajjeb ħafna biex jintlaħqu aktar nies, b’membri tal-Volserv iżuru lill-Maltin fi djarhom jew fil-lokalità tagħhom ħalli jaraw li qed jimxu mal-kura li tkun ingħatatilhom u jedukaw fejn hemm bżonn.
Min-naħa tiegħu, Claudio Grech irrikonoxxa l-valur kbir li għandu l-volontarjat fis-servizz tas-Saħħa f’Malta. Qal li jeħtieġ li jinbena qafas legali, li jagħti rikonoxximent lis-servizz tal-kura fil-komunità ħalli dan jitħaddem aħjar f’pajjiżna.
Il-laqgha mal-Volserv kienet tifforma parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni li l-PN qed jagħmel biex ifassal politika ġdida tas-Saħħa li tħares lejn kif pajjiżna jkun jista’ jindirizza l-isfidi li għandu f’dan il-qasam b’mod kostruttiv u fit-tul.
//= $special ?>