Id-dinja ċinematografika tilfet leġġenda oħra, hekk kif fis-sigħat li għaddew tħabbret il-mewt tal-attur u direttur Ingliż Richard Attenborough. Hu miet fl-età ta’ 90 sena. F’karriera ta’ madwar 60 sena, Attenborough ħa sehem f’films bħal “Brighton Rock”, “The Great Escape” u anke “Jurassic Park”.
Bħala direttur ċinematografiku, l-aktar li għamillu suċċess kien il-film “Gandhi”, li bih rebaħ żewġ Oscars. Lejn l-aħħar snin, hu kien qed jgħix f’residenza għall-anzjani flimkien ma’ martu. Hu kien ukoll fuq siġġu bir-roti wara li sitt snin ilu waqa’ t-taraġ.
Hekk kif tħabbret il-mewt ta’ Attenborough, kienu diversi l-personalitajiet li sellmulu. Fost oħrajn, il-Prim Ministru Ingliż David Cameron, li fuq Twitter sejjaħlu bħala “wieħed mill-kbar taċ-ċinema”. Stephen Spielberg, li dderieġa “Jurassic Park”, qal li kull ħaġa li Attenborough kien jagħmel f’ħajtu kien jagħmilha b’passjoni.
//= $special ?>