Il-Prim Ministru, Manuel Valls, issottometta r-riżenja tal-Gvern tiegħu lill-President ta’ Franza, Francois Hollande, u fejn, ftit wara, ġie mitlub biex jifforma Kabinett ġdid.
L-iżviluppi seħħew wara li l-Gvern, nhar il-Ħadd, għadda minn theżżiża sħiħa u fejn il-Ministru għall-Ekonomija, Arnaud Montebourg, ħareġ bi kritika qalila dwar il-mod kif l-amministrazzjoni kienet qed tmexxi l-ekonomija.
Intant, u ladarba ħarġet l-aħbar dwar ir-riżenja ta’ Valls, Francois Hollande iċċirkola stqarrija fejn talab lill-Prim Ministru biex iwaqqaf Kabinett ‘li hu konsistenti’ mad-direzzjoni li ffissa l-istess Hollande għall-pajjiż.
Manuel Valls kien akkuża lil Montebourg b’li ‘qabeż il-limiti’ u wara li l-Ministru Franċiż għall-Ekonomija kien attakka l-miżuri għall-awsterita implimentati mill-Gvern bħala ‘azzjoni li qed toħnoq l-iżvilupp ta’ Franza’.
Montebourg informa laqgħa għas-Soċjalisti li saret fl-inħawi lejn il-Lvant ta’ Franza li, llum, wasal iż-żmien biex huma ‘jagħmlu r-reżistenza ġusta fil-konfront tal-ossessjonijiet eċċessivi tal-konservattivi fil-:ermanja’.
L-istess Montebourg u l-Ministru Franċiż għall-Edukazzjoni, Benoit Hamon, it-tnejn ikkritikaw id-direzzjoni ekonomika li qabdet Franza b’talewwel jisħaq mal-gazzetta, Le Monde, li ‘l-Ġermanja, illum, inqabdet fl-eqqel ta’ politika għall-awsterita u li hi qed timponi fuq il-pajjiżi l-oħrajn tal-Ewropa’.
Il-pożizzjoni ta’ Montebourg u Hamon tidher li kellha wkoll l-appoġġ tal-Ministru, Aurelie Filipetti, li kienet responsabbli mill-Kultura fl-aħħar amministrazzjoni.
Jirriżenja l-Prim Ministru Valls fost tilwima dwar l-ekonomija
