Il-militanti Iżlamiċi fil-Libja, li qed jiġġieldu taħt l-isem tas-Sebħ tal-Libja, qalu li issa kienu qed jikkonċentraw l-isforzi tagħhom biex jieħdu l-kontroll totali tal-kapitali Libjana Tripli. Dan wara li fi tmiem il-ġimgħa, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Tripli spiċċa f’idejhom. It-Terminal tal-Ajruport kien deskritt bħala ħuġġieġa waħda.
Il-militanti Iżlamiċi qalu li issa l-ġellieda minn Zintan, li kellhom il-kontroll ta’ Tripli, kienu rtiraw għal madwar 90km mill-kapitali. Il-militanti Iżlamiċi ħadu wkoll il-kontroll ta’ bażi għall-ħbit kontra l-ajruplani qrib l-Ajruport ta’ Tripli. Il-ġlied ikkawża diversi vittmi, iżda s-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar fil-pajjiż qalet li kien hemm kriżi umanitarja kbira minħabba li l-ħaddiema tagħha ma jistgħux imorru fiż-żoni tal-ġlied. Dan minbarra li fl-isptarijiet mhemmx tobba u infermiera.
Ħafna mit-tobba u l-infermiera kienu barranin, li issa ħarbu mill-pajjiż. Kien hemm 10 Sudaniżi li nqatlu meta missila niżlet fuq dar fiż-żona ta’ Karimija, fi Tripli, f’dak li kien it-tieni inċident simili fi Tripli f’temp ta’ erbat ijiem wara li Sudaniżi nqatlu kawża ta’ missila li niżlet fuq bini fejn kienu. Hu stmat li f’din iż-żona hemm madwar 15,000 Sudaniż assedjat mill-ġlied.
Sadanittant, mill-anqas sitt persuni mietu wara li lanċa tas-sajd mimlija immigranti nqalbet qrib Lampedusa, fuq ir-rotta bejn il-Libja u l-Italja. Ħaddiema tas-Salvataġġ qalu li rnexxielhom isalvaw aktar minn 360 persuna mill-baħar. Dan kien it-tielet inċident simili f’dawn l-aħħar jiem. Matul tmiem il-ġimgħa, il-forzi Taljani salvaw aktar minn 4,000 immigrant mill-Mediterran.
//= $special ?>