Matthew Pace (ritratt) inħatar il-President il-ġdid tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) wara li din il-kariga spiċċat vakanti mal-ħatra ta’ Paul Bugeja bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA). Pace inħatar fit-tmexxija tal-MHRA b’vot unanimu.
Pace għandu 28 sena esperjenza fil-qasam tal-catering u hu s-sid ta’ żewġ ristoranti f’Marsaskala u Tas-Sliema. Ilu membru fil-Kunsill tal-MHRA għal dawn l-aħħar ħames snin, li fost oħrajn matulhom mexxa l-Action Group dwar ir-Ristoranti, filwaqt li kien jirrappreżenta wkoll lill-MHRA fil-Bord tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS).
F’kelmtejn qosra, Paul Bugeja sellem lil Pace u qal li l-għażla għall-ewwel darba ta’ sid ta’ ristorant fit-tmexxija tal-MHRA turi d-dinamiżmu u l-versatilità li għandha l-Assoċjazzjoni. Qal li Pace għandu l-kwalitajiet kollha meħtieġa, filwaqt li esprima sodisfazzjon ukoll għall-fatt li Pace ngħata l-appoġġ komplut tal-MHRA.
//= $special ?>

