Żagħżugħ ta’ 18-il sena minn Wied il-Għajn ġie mixli quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea li għall-ħabta tas-2pm tal-bieraħ ikkorrompa tfajla Ingliża ta’ 14-il sena waqt li kienet qed tgħum fl-iSplash and Fun f’Baħar iċ-Ċagħaq. Il-ġuvni, li ismu ma jistax jissemma’ fuq ordni tal-Qorti, wieġeb mhux ħati tal-akkuża.
L-allegata vittma kienet fil-kumpanija ta’ ħabiba tagħha, filwaqt li l-akkużat kien ma’ ħuh u ma’ ħabib tiegħu, li hu Ingliż. Fil-Qorti, dan l-Ingliż xehed li flimkien mal-akkużat u ħuh kienu fuq il-lilo meta f’ħin minnhom l-akkużat waqa’ x’ħin it-tfajliet kienu warajhom. Qal li kien bejn it-tfajliet u l-akkużat, iżda ma ra xejn straordinarju. Ix-xhud qal ukoll li raw lit-tfajliet jgħaddu minn ħdejhom waqt li kienu qed jixtru ġelat.
Mistoqsi mill-Avukat Albert Libreri jekk jafx liema tfajla għamlet ir-rapport lill-Pulizija, ix-xhud wieġeb li ma jafx. Tenna li huma qatt ma kellmu lit-tfajliet.
Wara li omm it-tfajla telgħet tixhed biex tagħti l-kunsens lil bintha tixhed dwar il-każ, l-Avukat Libreri talab lill-Qorti biex ix-xhieda tat-tfajla u l-kumplament tax-xhieda minn hemm ‘il quddiem tinstema’ bil-magħluq. Hu talab ukoll biex isem l-imputat ma jixxandarx.
Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Josric Mifsud qal li ftit ilu l-Qorti tal-Appell iddeċidiet li każ ta’ korruzzjoni ta’ minorenni f’Għawdex li fih hemm involut qassis, jissemma’ b’ismu u dan wara divjet tal-Qorti meta tressaq. Il-Qorti laqgħet it-talba tad-Difiża u ordnat lill-membri tal-media biex joħorġu mill-awla.
L-akkużat inghata l-libertà proviżorja fuq depozitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €3,000. Sadanittant, hu mistenni li għada filgħodu l-Pulizija, permezz tal-Ispettur Josric Mifsud, tappella għall-fatt li l-Qorti ordnat li ma jissemmiex isem l-akkużat.
//= $special ?>
