Il-militar tal-Gvern tal-Ukrajna qal li kellu l-konfronti mal-vetturi armati tar-ribelli separatisti li jridu l-unjoni mar-Russja. Dan fost ir-rapporti li l-istess vetturi kienu qasmu l-fruntiera għat-territorju Ukren u fejn kienu qed jivvjaġġaw lejn il-port ta’ Mariupol, fir-reġjuni tal-Lvant.
Kmandant Ukren qal li r-ribelli separatisti jistgħu qed jippruvaw jiftħu front ġdid lejn in-Nofsinar tal-Ukrajna.
Intant, ir-Russja naqset milli tikkummenta dwar l-aħħar żviluppi f’din il-kriżi, iżda l-President tal-Ukrajna, Petro Poroshenko, esprima ‘t-tħassib kbir tiegħu’ dwar l-allegati movimenti tal-konvoj Russu.
Fl-aħħar xhur inqatlu ‘l fuq minn elfejn persuna waqt il-ġlied bejn il-qawwiet Ukreni u s-separatisti fl-inħawi tal-Ukrajna lejn il-Lvant. Il-ġlied anki rriżulta fi 330,000 refuġjati, bil-President Poroshenko jtenni l-inkwiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni waqt diskursata bit-telefon li kellu mal-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Herman Van Rompuy.
Il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, qal li l-Kremlin ta’ Moska qed jaħseb biex, fil-jiem li jmiss, jibgħat tieni konvoj ‘umanitarju’ lejn il-Lvant tal-Ukrajna. Fl-istess ħin, il-kelliema f’Moska qed jgħidu li s-sitwazzjoni f’dawk ir-reġjuni partikolari qed taqleb dejjem għall-agħar.
//= $special ?>