Lokali

Partijiet minn Sant’Antnin Family Park se jsiru bi ħlas

Il-Kabinett iddeċieda li l-Gvern għandu jagħti partijiet mill-Park tal-Familja f’Marsaskala f’idejn il-Privat.  U se jinħarġu sejħiet għall-offerti għall-kiri ta’ għadd ta’ faċilitajiet ġodda f’dan il-Park.

Dan se jfisser li l-użu mill-pubbliku ta’ uħud mill-faċilitajiet li joffri, jew se jibda joffri dan il-Park, li s’issa kien dejjem b’xejn, minn issa ‘l quddiem se jiddaħħal ħlas għalih.

F’konferenza tal-aħbarijiet fuq il-post, il-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Leo Brincat qal li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ partijiet mill-Park se ssir biex il-konsumatur ikollu għazla akbar, waqt li s-settur privat ikun jista’ jgawdi minn spazju aktar wiesgħa wkoll.  U sostna li d-deċizjoni ttiedhet wara li f’Mejju għalqet l-espressjoni ta’ interess li ħareġ il-Gvern biex jintlaqgħu ideat ġodda għat-thaddim ta’ dan il-park.

B’kollox, qal Leo Brincat, daħlu 16-il sottomissjoni minn 14-il parti interessata li ġew evalwati minn Review Team apposta u wara li jsiru konsultazzjonijiet, fost l-oħrajn għax ċerti partijiet mill-Park gew finanzjati minn fondi Ewropej, issa il-Gvern joħroġ ghall-kiri faċilitajiet f’zoni speċifiċi.

Dawn jinkludu l-istalel, fejn għalkemm l-aċċess tal-pubbliku se jibqa’ b’xejn, in-nies se jħallsu għas-servizzi ekwestri, iz-zona u l-faċilitajiet tar-Rock Climbing, li se jinkrew, imma ma tnqalx hux se jkunu b’xejn, iż-żona biswit il-kappella li issa se tkun ristretta għal attivitajiet okkazjonali u se jkunu jistgħu jittellgħu tined temporanji, l-Animal Area li wkoll ma jintqalx hux se jiddaħħal hlas fuqha, l-AgriCentre li se jibqa’ b’xejn imma min jieħu sehem f’avveniment li jsir fih se jibda jħallas, u l-amfiteatru li wkoll se jinkera ghal produzzjonijiet partikolari u għalkemm l-aċċess tal-pubbliku għalih mhux se jkun ristrett, min jikri l-faċilitajiet għal xi okkazjoni se jingħata d-dritt li  jbiegħ il-biljetti seated.

Se jinghataw f’idejn il-privat ukoll ir-ristorant u t-tea rooms li hemm fil-Park, b’min jehodhom se jkollu f’idejh ukoll il-facilitajiet sanitarji.

Il-bqija taz-zoni, fosthom il-parkegg, iz-zoni tal-loghob, u dik tat-tfal, l-ispazji fil-miftuh, l-uzu tal-bankijiet u l-passaggi, id-dog park u l-outdoor gym se jibqghu b’xejn.

Il-Ministru Brincat qal li l-Gvern ma laqax xi proposti li saru minhabba nuqqas ta’ dettalji, u skarta wkoll proposta biex isir Child Care Centre f’dan l-istadju. Id-dhul mill-kirjiet se jmur ghand il-Marsascala Park Management biex ikunu koperti parti mill-ispejjez tal-manutenzjoni tal-park stess.

Talba separata li kienet saret mill-klabb tal-futbol ta’ Marsaskala sabiex ikollu l-grawnd tieghu, mhix se tohrog permezz ta’ tender. Il-Ministru Brincat qal li t-tahditiet bejn il-klabb u entitajiet tal-gvern ohrajn, jinsabu fi stadju avvanzat sabiex ikun stabbilit sit addattat.