Internazzjonali

Qed jagħtu n-nar lill-ajruplani fi Tripli

Il-militanti Iżlamiċi ta’ grupp bl-isem ‘Żerniq tal-Libja’ qed jagħtu n-nar lill-ajruplani u l-bini fl-ajruport ewlieni ta’ Tripli u wara li huma ħatfu l-kumpless lill-milizzji ta’ Zintan.
Dawn l-elementi, li, fil-parti kbira, ġejjin minn Misrata, kienu ilhom il-ġimgħat jikkumbattu lill-milizzji ta’ Zintan fl-inħawi –  b’kelliema għall-grupp ‘Zerniq’ qed jgħidu li ħatfu wkoll lokalitajiet oħrajn minn idejn il-gruppi ta’ milizzji rivali, fi Tripli.

 
Il-ġimgħat ta’ ġlied bejn il-gruppi tal-armati fi Tripli ħallew wied ta’ qerda fl-ajruport u fl-inħawi l-oħra tal-kapitali u fejn kompla l-eżodu ta’ diplomatiċi, barranin u Libjani. Intant, is-sostenituri tal-gruppi armati rivali qed jużaw il-mezzi tal-media soċjali biex jakkużaw lil xulxin dwar in-nirien li qerdu t-terminal tal-ajruport fi Tripli.

 
Qabel dawn il-battalji, il-militanti ta’ Misrata u l-ġellieda ta’ Zintan kienu alleati fil-gwerra tal-2011 li ġabet fi tmiem ir-reġim tal-eks dittatur Libjan, Muammar Gaddafi.

 
Il-battalji attwali jirriflettu l-agħar vjolenza minn dak iż-żmien u bil-grupp ‘Zerniq tal-Libja’ qed isejjaħ għar-ritorn tal-Kungress Nazzjonali Ġenerali antik li kien imwaqqaf wara l-kroll tar-reġim ta’ Gaddafi. Dan waqt li l-qawwiet ta’ Misrata qed jiċħdu għall-Kamra ġdida tar-Rappreżentanti, u wara l-kisbiet politiċi tad-deputati u l-elementi liberali (Libjani) li jiffavorixxu sistema federalista.

 
Il-Libja anki qed tiffaċċja l-prospett ta’ ‘żewġ parlamenti f’kompetizzjoni ma’ xulxin bl-Assemblea fi Tripli qed tixli lill-militanti mal-grupp ‘Zerniq tal-Libja’ bħala terroristi.