Għaddasa skoprew dak li jidher li hu xini ta’ Żmien il-Feniċi u li allura jfisser l-eqdem nawfraġju li qatt seħħ fil-Mediterran. Din is-sSejba saret f’qiegħ il-baħar, madwar mil ‘il barra minn Għawdex. Hu maħsub li l-bastiment tal-Feniċi li nstab imur lura 700 sena qabel Kristu.
Timmy Gambin, mid-Dipartiment tal-Classics u l-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta, fisser f’konferenza tal-aħbarijiet li dan is-sit impressjonanti nstab waqt li kienet qed issir ħidma fuq l-immappjar tal-ibħra territorjali Maltin. Hu qal li dan is-sit hu uniku għaċ-Ċentru tal-Mediterran, filwaqt li fisser l-importanza ta’ din is-sejba arkeoloġika.
Permezz ta’ apparat teknoloġiku mill-aktar modern, li niżel fil-fond tal-baħar, instabu l-ewwel saffi ta’ dan is-sit Puniku. Madankollu, hemm indikazzjonijiet li hemm xi żewġ metri ta’ fdalijiet arkeoloġiċi f’qiegħ il-bahar, bil-possibbiltà li jinstabu partijiet mix-xini li x’aktarx kien twil madwar 50 pied.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dawn il-fdalijiet ta’ oġġetti mill-perjodu tal-Feniċi nstabu f’fond ta’ 120m. It-tim ta’ Riċerkaturi sab madwar 50 ġarra ta’ seba’ tipi u dan jindika li x-xini żar diversi portijiet. Instabu wkoll 20 blata tat-tħin tal-lava, li jiznu madwar 35kg kull waħda. Fil-fatt, ittellgħu xi kampjuni u qed isir studju metikoluż fuqhom biex ikun stabbilit aktar tagħrif dwarhom.
Il-ħidma kollha qed titmexxa taħt is-superviżjoni tas-Sovrantendenza tal-Wirt Kulturali. Is-Supretendent tal-Wirt Kulturali Anthony Pace fisser kif il-wirt storiku u arkeoloġiku ta’ pajjiżna jagħtina vantaġġ kompetittiv, filwaqt li żied li l-informazzjoni li se tinkiseb minn din is-sejba se tidħol fl-Inventarju Nazzjonali.
Ir-Rettur tal-Università Juanito Camilleri spjega li s-sit qed ikun esplorat mill-Proġett GROPLAN, iffinanzjat mill-Aġenzija Nazzjonali għar-Riċerka ta’ Franza. Fil-fatt, il-proġett qed jiżviluppa l-fotogrametrija taħt il-baħar, jiġifieri ix-xjenza li wieħed jieħu qisien minn ritratti, speċjalment għall-irkupru ta’ pożizzjonijiet eżatti ta’ fdalijiet f’qiegħ il-baħar.
Juanito Camilleri żied li dan il-proġett qed iġib flimkien diversi dixxiplini, fosthom l-arkeoloġija, il-qasam marittimu u l-informatika. Il-proġett qed ikun strumentali biex issir riċerka fuq għodod tas-software għas-sejba ta’ fdalijiet taħt il-baħar. L-Università ta’ Malta hi involuta f’dan il-proġett flimkien ma’ Universitajiet fi Franza u fl-Istati Uniti.
//= $special ?>

