Ekonomija Lokali

Tnaqqis fl-investiment barrani dirett u fl-investiment ta’ kumpaniji Maltin f’pajjiżi oħrajn

Fi tmiem l-2013, l-investiment barrani dirett f’Malta kien fil-livell ta’ €9.6 biljun, jiġifieri tnaqqis ta’ €3 biljun fuq il-pożizzjoni tal-investiment barrani f’pajjiżna fi tmiem l-2012, meta dak li jissejjaħ l-FDI kien fil-livell ta’ €12.6 biljun. Dan joħroġ minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar l-investiment barranin dirett f’Malta u l-investiment Malti barra l-pajjiż bejn Jannar u Diċembru 2013.

L-istess ċifri juru li kien hemm tnaqqis sostanzjali wkoll f’dak li hu investiment barrani li sar f’pajjiżna fl-2013. L-investiment li sar f’pajjiżna fis-sena li għaddiet naqas b’€1.6 biljun, kuntrarju għal dak li ġara fl-2012, meta kienu ġew investiti €1 biljun aktar fuq l-2011. Kien hemm ukoll tnaqqis fl-investiment ta’ kumpaniji Maltin f’pajjiżi oħrajn, biċ-ċifri tal-NSO juru li fl-2013 naqas bi kważi €14 miljun, biex fi tmiem l-2013 it-total tal-investiment Malti barra mill-pajjiż kien jammonta għal €1.1 biljun.

L-istatistika tal-NSO turi li sew f’dak li huwa investiment barrani f’Malta, kif ukoll f’dak li hu investiment mill-Maltin barra l-pajjiż, l-akbar ammont hu investiment minn intrapriżi finanzjarji u tal-assigurazzjoni. Il-pajjiżi Ewropej jibqgħu jibqgħu l-akbar kontributuri għall-investiment li jsir f’Malta, kif ukoll id-destinazzjoni tal-akbar ammont ta’ investiment li jsir mill-Maltin.

Sadanittant fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista qal li jesprimi t-tħassib tiegħu għall-aħbar maħruġa mill-NSO li l-investiment barrani dirett f’Malta naqas b’24%. Dan huwa sinjal ieħor minn sensiela ta’ sinjali li jwasslu l-Partit Nazzjonalista biex jinsisti li l-Gvern jindirizza mill-aktar fis possibli l-isfidi li qed taffaċċja l-ekonomija Maltija.

L-PN qal li fl-aħħar xhur kompliet tonqos ukoll il-produzzjoni industrijali, kif ukoll l-importazzjoni u l-esportazzjoni li huma indikaturi relatati mal-andament tal-industrija tal-manifattura u l-bejgħ mill-ħwienet. Dan it-tnaqqis jista’ jkollu konsegwenza diretta fuq il-postijiet tax-xogħol, fuq il-pagi u bidliet fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ghall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Il-Gvern għandu jindirizza dan it-tnaqqis b’mod immedjat, u jipreżenta l-pjan ekonomiku tiegħu – jekk jeżisti – biex jindirizza s-sitwazzjoni qabel ma jkun tard wisq, jagħmel miżuri konkreti sabiex jgħin u jsaħħaħ setturi differenti tal-ekonomija tagħna li qed jiffaċjaw problemi, u joffri viżjoni u inċentivi sabiex jiġu żviluppati setturi ġodda ta’ xogħol f’pajjiżna.