Qabel beda l-Kampjonat BOV Premier żgur li ħadd ma stenna li ċ-Champions Valletta kienu se jkunu fis-sitwazzjoni li jinsabu fiha wara żewġ partiti, punt wieħed daqs l-avversarji tal-lejla, ir-rivali eterni Floriana f’dik li tidher l-aqwa logħba tat-tielet ġurnata.
Ħafna jaqblu li ż-żewġ naħat iridu juru titjib fil-logħob tagħhom imma waqt li Valletta xejn ma kienu nċisivi kontra Tarxien, Floriana wrew titjib qawwi kontra Sliema mill-wirja li kienu taw kontra Hibernians.
Piciolli u Plut taw wirja mill-aqwa għall-Greens u l-gowlkiper Senatore jidher li nissel aktar fiduċja fid-difiża quddiemu. Għall-Beltin, wieħed għadu qed jistenna biex jara l-aħjar minn Abelkarim Nafti, Hugo Faria u Kooh Sohna bil-Portugiż jagħmel ħafna xogħol ta’ kwantita` fil-pitch imma ħafna drabi erratiku fl-aħħar passaġġ.
Partita bħal din tpoġġi taħt pressjoni akbar lill-partitarji Beltin li żgur iridu r-rebħa aktar minn qatt qabel kontra Floriana u ma tkunx sorpriża wkoll jekk Gilbert Agius (li jaf tajjeb li l-partitarji Beltin ma tantx huma paċenzjużi) jibda bl-eks Christian Caruana fl-ewwel ħdax biex jagħti aktar stimolu liċ-Champions.
Qabilhom, Birkirkara jippruvaw jagħmluhom tlieta minn tlieta meta jiltaqgħu kontra Naxxar Lions li ħadu l-ewwel punt tagħhom kontra Balzan.
Il-Karkariżi jibdew favoriti netti wara l-wirja kollettiva mill-aqwa li kellhom kontra Żebbuġ u li biha fetħu beraħ id-difiża tat-tim promoss.
Il-Lions jafu li se tkun partita oħra diffiċli imma xorta se jagħmlu minn kollox biex ikunu huma l-ewwel li jtellfu xi punti lil Birkirkara li bi tliet rebħiet konsekuttivi, inklużi s-Supercup, diġa` qed juru biċ-ċar li jridu lura t-titlu ta’ Champions.


