Il-benefiċċji tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea jkomplu jinfirxu fis-setturi kollha tas-soċjetà fejn numru ta’ sidien ta’ negozji żgħar u medji fis-settur tal-arti u l-kultura wkoll qed jibbenefikaw minn fondi li permezz tagħhom qed ikabbru l-ħiliet tagħhom u jiftħu orizzonti ġodda għalihom.
Fost dawn hemm l-induratur u restawratur Arthur Vassallo, li jopera minn ħanut żgħir fil-qalba tar-Rabat u li fis-sengħa tiegħu indura u rrestawra fost l-aqwa xogħolijiet tal-arti reliġjuża u kulturali fil-pajjiż. Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg żar il-ħanut ta’ Vassallo u tkellem mieghu dwar il-mod kif permezz tal-fondi tal-UE, hu kabbar l-opportunitajiet tiegħu.
Vassallo bbeneika minn għotja ta’ €5,000 fil-fond ta’ €4 miljun li kien allokat għal żvilupp rurali, investiment turistiku, arti u kultura. Bħalissa qed isir xogħol fuq il-ħruġ ta’ skema oħra ta’ madwar €500,000. Is-Segretarju Parlamentari Borg qal li fil-programm “Leader” se jkun hemm allokazzjoni ta’ €7 miljun għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020.
Fl-aħħar snin, mill-programm “Leader”, kienu allokati fondi lil tliet gruppi ta’ azzjoni lokali biex ifasslu strateġija ta’ żvilupp fuq bażi reġjonali.
//= $special ?>