Editorjal

Editorjal: L-azzjoni volontarja u l-qawwa tal-media l-ġodda

Wasal, fl-aħħar, hawn Malta l-fenomenu li beda fl-Amerika aktar minn xahar ilu ta’ nies li jisfidaw lil xi ħadd magħruf jitfa’ barmil silġ fuq rasu inkella jagħti donazzjoni ta’ mitt dollaru lil għaqda volontarja li taħdem favur dawk li tolqothom il-marda ALS.

Il-media ġodda
Fenomenu li juri l-qawwa tal-media l-ġodda li għandhom ħabta jmexxu b’ħeffa kbira mġibiet jew ġrajjiet ġodda jew strambi, kultant għal skop ħażin – għadu kemm kellna l-filmat xokkanti tal-ġurnalist Amerikan James Foley jħanxrulu rasu fl-Istat Iżlamiku – u f’dal-każ, u jalla f’ħafna każi, għal skop tajjeb.

L-iskop veru
Li tieħu doċċa kiesħa u tiffilmjaha hu sewwa sakemm jibqa’ l-iskop oriġinali u l-iskop ma jsirx biss li wieħed jidher. U l-iskop oriġinali hu li nsiru nafu aktar dwar il-motor neurone disease, magħrufa wkoll bħala ALS, marda li taffettwa n-nervituri, li min taqbdu jnin bil-mod sakemm imut ftit snin wara bit-tmermir tal-muskoli kollha tiegħu – marda kiefra u li għaliha m’hemmx fejqan.

Flus għar-riċerka
Għalhekk il-bżonn tar-riċerka dwarha u allura tad-donazzjonijiet li nġabru bil-kbir fl-Amerika u issa madwar id-dinja, anke jekk f’pajjiżi barra l-Amerika l-flus aktarx qed jingħataw lil għaqdiet volontarji lokali u anke marbutin ma’ mard ieħor.

Il-volontarjat
Dak hu l-iskop. Li jġibna għall-ħsieb fuq kemm hi tajba u effettiva l-azzjoni volontarja tal-ħafna. F’Malta f’dawn l-aħħar 25 sena kellna moviment sħiħ lejn soċjetà tas-solidarjetà – mhux il-Gvern waħdu jagħmel is-solidarjetà imma miegħu l-impenn tal-ħafna speċjalment permezz tal-għaqdiet volontarji li jaħdmu b’tant qalb.

‘Il bogħod mill-cameras
U għalhekk il-ħsieb dwar il-volontarjat kollu. U wkoll dwar kemm hawn għaqdiet u individwi li jaħdmu fis-skiet bla ma ħadd jaf kemm qed jagħmlu ġid ‘il bogħod mill-cameras u ‘l bogħod mill-bramel tas-silġ mhux f’xi ġurnata tas-sajf biss meta tinħamel doċċa kiesħa imma kuljum, imqar fl-aktar jum iffriżat tax-xitwa.

Ebda gvern
L-azzjoni volontarja mlaqqgħa mal-qawwa tal-media l-ġodda xerrdet dal-fenomenu li ebda gvern b’ebda propoganda maħsuba u ppjanata b’reqqa ma kien ikun kapaċi jagħmel. Dinja ġdida ta’ media ġodda li jalla jintużaw għal skopijiet tajbin bħal dawn.

Fit-tul
Li jkomplu jirnexxu jekk meta jintfew il-cameras u l-moda tal-bramel tas-silġ tgħaddi, l-azzjoni tibqa’. L-azzjoni volontarja li fiha nagħtu anke l-impenn u l-ħin mal-flus, u l-azzjoni volontarja li ttul, regolari, fuq sena sħiħa, u tul is-snin bis-sodisfazzjoni li wieħed ikollu li għen lil uħud jew ħafna minn sħabu l-bnedmin.