Bħalissa ħafna qed jiddevertu u jgħinu lil min hu fil-bżonn billi jieħdu shower b’ilma bis-silġ fl-Ice Bucket Challenge. L-isfida qed tgħin biex tinħoloq kuxjenza u jinġabru fondi għall-kundizzjoni tal-ALS. Minbarra l-għan nobbli, din l-isfida hi wkoll divertenti minnha nfisha għax żgur li tgħin lil dak li jkun jiffriska f’dawn ix-xhur sħan tas-Sajf u t-temperaturi għoljin li jkollna.
Madankollu, issa li l-Ice Bucket Challenge għamlet daqstant suċċess madwar id-dinja kollha, f’Gaża qed tiġi mnedija dik li qed tissejjaħ ir-Rubble Bucket Challenge. Isimha magħha, din l-isfida l-ġdida ma tinkludix ilma bis-silġ, iżda ramel, terrapien, ċagħaq żgħir jew kull ħaġa li wieħed jista’ jsib f’post li qed jitwaqqa’. Kif wieħed jista’ jifhem, din qed issir biex tinħoloq aktar kuxjenza dwar il-qagħda fil-Medda ta’ Gaża, fejn persuni qed jiġu bbumbardjati f’darhom.
Biex jilqa’ din l-isfida wieħed irid iferra l-barmil, bir-ramel, iċ-ċagħaq żgħir jew materjal ieħor ta’ dan it-tip, fuq rashom, filwaqt li jinnominaw persuni oħrajn biex jagħmlu l-istess. Il-ġurnalist Ayman Aloul, li qed jirrapporta minn Gaża, tefa’ l-filmat fuq YouTube (riprodott f’dan il-filmat), li fih jispjega l-intenzjoni tal-isfida propju minn post fejn intlaqat minn attakki mill-ajru.
Il-ġurnalist jispjega li “fittixna barmil bl-ilma, iżda l-użu tal-ilma [hawn] hu aktar importanti milli biex niżvujtawh fuq rasna. U għalkemm ilma ssib, hu diffiċli tiffriżah”. Aloul qal li “jekk ħames personalitajiet, bħal atturi jew presidenti, jaċċettaw l-isfida, inħoss li l-isfida biex jitwassal il-messaġġ dwar Gaża tkun suċċess”. Jidher li diġà bdew jiċċirkolaw numru ta’ filmati minn madwar id-dinja ta’ persuni li aċċettaw din l-isfida, fosthom mill-Ġermanja u l-Istati Uniti.
//= $special ?>