Għawdex Kultura Lokali

Filmat: “Xagħratale”, l-istorja tax-Xagħra mill-preistorja sat-Tieni Gwerra Dinjija

“Xagħratale” hu l-isem ta’ re-enactment dwar l-istorja tar-raħal Għawdxi mill-preistorja sa żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, li qed jittella’ fil-Pjazza tax-Xagħra kull nhar ta’ Erbgha filgħaxija mill-bidu ta’ Lulju sa għada filgħaxija. Din l-inizjattiva ġdida tax-Xagħra Historical Re-enactment Organization qed issir bi tħejjija għall-Festa tal-Vitorja, li tkun iċċelebrata f’dan il-villaġġ Għawdxi fit-8 ta’ Settembru li ġej.

Dan l-ispettaklu ta’ żfin u drama twil 20 minuta, li qed jattira ħafna Għawdxin, Maltin u anke turisti, jinvolvi madwar 40 parteċipant lebsin kostumi tal-epoka, akkumpanjati minn effetti viżivi u mużika. Ħa lill-ispettaturi lura fiż-żmien ukoll għal mixja mal-istorja mill-perjodu Neolitiku fit-Tempji tal-Ġgantija li tant hi mfittxija għalihom ix-Xagħra, iż-żminijiet li fihom il-gżejjer Maltin kienu maħkuma mill-Feniċi, mill-Kartaġiniżi, mir-Rumani, mill-Biżantini, mill-Għarab, min-Normanni, mill-Anġevini u mill-Aragoniżi, kif ukoll il-wasla tal-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-Assedju l-Kbir tal-1565, il-miġja tal-Franċiżi, żmien il-Kolonja Ingliża, l-epidemija tal-pesta li kienet laqtet lil Għawdex u finalment it-Tieni Gwerra Dinjija.

L-ispettaklu laħaq il-qofol tiegħu bit-tifkira tar-rebħa tal-Maltin u l-Kavallieri fuq il-Mislem Tork fl-Assedju u r-rebħa tal-alleati fuq l-għedewwa fi Sqallija, f’żewġ vittorji li seħħew fit-8 ta’ Settembru. Fl-istess ħin, dawk li kull nhar ta’ Erbgħa qed jinġabru biex isegwu din il-produzzjoni qed igawdu wkoll mid-diversi ristoranti u wine-bars li bihom hi mimlija l-Pjazza tax-Xagħra biex minn din l-inizjattiva jgawdu wkoll l-istabbilimenti tal-lokal.

Ix-Xagħra Historical Re-Enactment Organization kienet twaqqfet fl-2007, bl-ewwel re-enactment dik is-sena kienet saret f’Settembru biex tikkommemora l-Assedju l-Kbir ta’ Malta fl-okkażjoni tal-Festa tal-Vitorja. Minn dakinhar ‘l hawn, dan il-grupp ta’ voluntieri tella’ produzzjonijiet simili kull sena. Fl-2010, il-grupp inbidel formalment f’NGO, li l-iskop ewlieni tagħha hu li tfakkar l-Assedju u l-Kavallieri ta’ Malta b’diversi attivitajiet storiko-kulturali minn laqta lokali u b’rabta ma’ avvenimenti storiċi li jinvolvu lix-Xagħra.