Għada tispikka wkoll il-partita f’Ta’ Qali bejn Sliema u Hibernians bit-tim ta’ Branco Nisevic ukoll jipprova jagħmilhom tlieta minn tlieta wara li bi plejer anqas, dawwar telfa f’rebħa kontra Qormi. F’din il-partita Hibs mistenni jkollhom fil-lasta lil Henry Bonello wara li Mario Muscat ħabbar li kien qed jirtira wara li għaqqad il-500 logħba fil-Premier. Bonello se jkun qed jilgħab kontra l-eks sħabu u żgur se jagħmel minn kollox biex jieħu t-tliet punti.
Sliema bl-akkwisti u l-aspirazzjonijiet kollha li kellhom, s’issa ddiżappuntaw u mhumiex qed juru l-logħob mistenni minnhom fejn l-attakkant internazzjonali Malti Michael Mifsud għadu qed jistenna l-ewwel gowl tiegħu. Hibs se jkunu mingħajr is-sospiż Soares. Qabilhom Qormi jiltaqgħu kontra Balzan. Il-Qriema għandhom materjal biżżejjed dan l-istaġun imma l-kowċ Josef Mansueto jrid isib mod kif jgħaqqad flimkien il-plejers li għandu ħalli jidraw lil xulxin u jaħdmu aktar bħala tim.
Oliver Spiteri, kowċ ta’ Balzan se jkollu jerġa’ jibda bi Steve Sultana fil-lasta wara l-wirja mill-aqwa li ta kontra Naxxar meta daħal bħala sostitut wara li tkeċċa l-gowlkiper Christian Cassar li se jkun sospiż. Imma bi plejers bħal Serrano, Bilbao Zarate, Guabadia, Guerrero, Piccione u Mifsud Triganza għandu biżżejjed materjal biex jinkwieta lill-Qriema.
Mosta hu t-tielet tim b’punti massimi u wkoll jibdew favoriti meta fil-Victor Tedesco Stadium jiltaqgħu kontra Żebbuġ Rangers li għadhom bla rebħa u qalgħu tmien gowls. Ir-Rangers qed jindunaw kemm hu diffiċli fil-Premier fejn qed jikkommettu żbalji relatati ma nuqqas ta’ esperjenza. Il-kowċ ta’ Mosta Enrico Piccioni mistenni jerġa’ jibda bl-istess ħdax li tawh żewġ rebħiet fuq Valletta u Pieta`. Kaljevic, Jovanovic u Milovanovic qed ikunu l-mutur tat-tim flimkien ma’ Manolito Micallef u Mariano Bueno.
L-aħħar logħba se tlaqqa’ lil Tarxien Rainbows u Pieta` Hotspurs. Ir-Rainbows għandhom moral għoli wara d-draw kontra Valletta waqt li Pieta` wara pre-season inkoraġġanti, għadhom mingħajr punt u żgur li Claudio Frances, Joao Gabriel u Rafael Xavier li se jirritorna minn sospensjoni, jridu jagħtu sehem akbar.
//= $special ?>
