Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija appellat biex il-Gvern iżomm f’moħħu s-sostenibbiltà meta jimpjega n-nies maċ-Ċivil. Impjiegi mal-Gvern li ma jkunux ġustifikati għandhom jiġu skoraġġiti, qalet il-Kamra. Fi stqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ irrikonoxxiet l-importanza li jkun hemm demm ġdid mas-settur pubbliku biex ikun hemm ideat friski. B’hekk, is-settur pubbliku jkun dinamiku u jikkumplimenta lis-settur privat.
Madankollu, il-Kamra rrakkomandat li jsir dak li sejħitlu “manpower survey” ħalli jinġabar tagħrif dwar il-ħiliet tal-impjegati maċ-Ċivil. B’dan il-mod, il-Gvern ikun jista’ juża’ b’mod effiċjenti r-riżorsi tal-entitajiet pubbliċi biex isaħħaħ il-produttività u l-kapaċità tas-settur pubbliku.
Il-Kamra rrikonoxxiet ukoll il-ħtieġa li jimtlew ċerti rwoli kruċjali fis-settur pubbliku, iżda wissiet li għandu jintlaħaq bilanċ bejn l-impatt fuq il-finanzi pubbliċi u l-effett fuq il-kompetittività tal-pajjiż, li ġġib magħha żieda fil-Ħaddiema mal-Gvern. L-aħħar statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) uriet li fis-sena u ħames xhur li ilu fil-Gvern, il-Partit Laburista żied l-impjiegi maċ-Ċivil b’madwar 2,000.
//= $special ?>