Internazzjonali

Il-Libja tispiċċa b’żewġ mexxeja u żewġ assemblej

Il-Kunsill Ġenerali Nazzjonali tal-Libja li kien tqaċċat fl-elezzjoni ta’ Ġunju iltaqa’ mill-ġdid biex jagħżel Prim Ministru li jkollu l-appoġġ tal-Iżlamiċi. Din is-sitwazzjoni tfisser li l-Libja, issa, spiċċat maqsuma bejn żewġ Mexxejja u Assemblej rivali – bil-gruppi armati rispettivi tagħhom – waqt li l-kaos fil-pajjiż qed jirranka.

Il-Kunsill li jagħti leħen qawwi lill-Iżlamiċi ma jridx jirrikonoxxi lill-Kamra tar-Rappreżentanti – l-Assemblea li laħqet warajh u fejn jiddominaw il-liberali u l-federalisti – bħala entita leġittima.

Sadanittant, l-ispinta fid-diżgwid politiku hi anki riżultat tal-aħħar battalji fi Tripli, fejn l-Alleanza ta’ Misrata u l-milizzji Iżlamiċi alleati ħatfu l-kontroll tal-ajruport fost il-ġlied li jissimbolizza l-firda kbira fost il-Libjani.

Ħafna residenti f’Misrata jemmnu li l-‘aħħar’ Kamra tar-Rappreżentanti ma rrappreżentatx il-maġġoranza tal-Libjani bil-Kunsill Ġenerali Nazzjonali tal-Libja jeleġġi lil Omar al-Hassi bħala l-Mexxej ġdid tiegħu wara li ltaqa’ fi Tripli. Hassi hu lecturer fix-xjenza politika fl-Universita ta’ Benghażi u f’Ġunju hu kien spiċċa bħala l-kandidat tellief waqt l-elezzjoni tal-Kunsill għal Prim Ministru ġdid.

Sadanittant, il-milizzji Iżlamiċi qed jiddisassoċjaw ruħhom mill-ġellieda tal-jihad li huma determinati biex iwaqqfu l-liġi (Iżlamika) ta’ Sharia fil-Libja.

Il-milizzji mal-grupp Żerniq tal-Libja’ qed jgħidu li huma jappoġġjaw tranżizzjoni demokratika fil-pajjiż, iżda, fl-istess ħin, qed jisfidaw il-leġittimita tal-aħħar Assemblea (il-Kamra tar-Rappreżentanti) li kienet eletta fi Tripli.

Intant, il-milizzji ħarġu stqarrija biex jagħmluha ċara li huma ‘jirrispettaw il-Kostituzzjoni tal-Libja u t-trasferiment tal-poter paċifiku fil-pajjiż’. L-istqarrija kienet ippubblikata, mill-aġenzija tal-aħbarijiet LANA.