Skont l-imprendituri ewlenin Għawdxin, l-andament tan-negozju f’Għawdex huwa wieħed pożittiv.
Dan ħareġ waqt żjara ta’ korteżija li l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo għamel lil numru ta’ ħwienet u negozji f’Għawdex matul il-jum.
Antoine Portelli, il-Kap Eżekuttiv tal-Kumpless Arkadia fir-Rabat Għawdex qal li minkejja li s-sentiment tan-negozji Għawdxin huwa wieħed pożittiv, hemm bżonn ta’ għajnuna mill-Gvern sabiex Għawdex jattira aktar turisti fix-xhur tax-xitwa.
Refalo qal li n-numru ta’ nies li qasmu lejn Għawdex permezz tal-Gozo Channel għall-festa ta’ Santa Marija kien ta’ 70,000, żieda ta’ 3% fuq is-sena li għaddiet. Qasmu wkoll 18,000 vettura li tfisser 2.5% aktar mis-sena li għaddiet.
Waqt iż-żjara ta’ kortesja, il-Ministru għal Għawdex kien akkmpanjat minn Joe Muscat mill-Gozo Tourism Association u Micheal Grech, il-President tal-Malta Gozo Chamber.
Muscat mill-Gozo Tourism Association qal li Għawdex ilu sa mill-2010 jara żiediet sew fin-numru ta’ turisti anke fix-xhur tax-xitwa.
Aktar kmieni l-Ministru għall-Għawdex inawgura żewġ proġetti ta’ restawr li saru mll-Għaqda Wirt Għawdex – in-niċċa tal-Madonna tar-Rummiena li tinsab fil-limiti tax-Xewkija u l-istatwa ta’ San Ġorġ li tinsab fi Triq Pompei fir-Rabat.
//= $special ?>